Jammetti li l-ftehim hu ffirmat iżda fl-istess nifs jgħid ukoll li għadhom għaddejjin in-negozjati
Il-Prim Ministru ddefenda fil-Parlament il-pożizzjoni li ħa l-Gvern li ma jippubblikax il-ftehim li l-Gvern iffirma ma’ Sadeen Group, l-investituri li joperaw fil-qasam turistiku u li l-Gvern innegozja magħhom l-art f’Żonqor Point biex jiżviluppaw università fuq mhedda ta’ madwar 90,000 metru kwadru fuq art naturali u agrikola.
Fi tweġiba li ta fil-Parlament, il-Ministru Chris Cardona, qal li l-Gvern jippubblika l-Heads of Agreement li ffirma ma’ Sadeen Group fil-mument opportun.
Hu qal li dan minħabba l-kwistjoni li qamet b’rabta mas-sit identifikat, bil-Prim Ministru jerġa’ jiddikjara li qed tiġi evalwata l-possibbiltà li l-iżvilupp isir fuq parti f’Żonqor Point fuq l-art barra miż-żona tal-iżvilupp u parti oħra li tirrigwarda l-akkomodazzjoni fuq sit ieħor li dwaru għad hemm taħditiet għaddejjin biex jintagħżel is-sit għal dan l-iżvilupp.
Id-dibattitu tqajjem wara mistoqsija parlamentari li għamlet fil-Parlament ix-Shadow Minister Marthese Portelli, u li dwaru saru diversi mistoqsijiet oħrajn mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, li talab lill-Prim Ministru jqum fil-Parlament u jitkellem hu dwar l-għażla tas-sit għall-iżvilupp f’Żonqor Point u biex jiddikjara jekk is-sit hux magħżul jew le.
Hekk kif kienu qed isiru għadd ta’ mistoqsijiet lill-Ministru Chris Cardona li wieġeb il-mistoqsija parlamentari u qal li l-ftehim tal-Heads of Agreement ma’ Sadeen Group ikun ippubblikat fil-ħin opportun, Simon Busuttil talab lill-Prim Ministru li kien preżenti fil-Kamra, iqum u jgħid hu jekk is-sit preferut minnu hux Żonqor Point.
Il-Prim Ministru qal li bħalissa qed jiġu kunsidrati diversi alternattivi biex parti mill-iżvilupp propost f’Żonqor Point isir f’żona oħra u biex jinstab kompromess biex l-iżvlupp isir f’Żpnqor Point bl-inqas impatt, u parti minnu jsir f’sit ieħor fin-Nofsinhar ukoll ta’ Malta.
Aktar qabel fid-dibattitu, il-Ministru Chris Cardona ma weġibx sensiela ta’ mistoqsijiet tax-Shadow Minister Marthese Portelli, fost l-oħrajn biex il-Ministru jgħid il-prinċipji li fuqhom il-Gvern qabel magħhom mal-iżviluppaturi mill-Ġordan hekk kif saħqet li l-Gvern f’dan l-istadju għandu jippubbliku dak li qabel fuqu mal-Grupp Sadeen.
Il-Ministru Cardona baqa’ jsostni li ma jistax jippubblika l-ftehim f’dan l-istadju għaliex filwaqt li ammetta li l-ftehim hu ffirmat, fl-istess nifs qal ukoll li għadhom għaddejjin in-negozjati.
//= $special ?>