Internazzjonali

Iwissi li l-ISIS jista’ jikseb l-armi nukleari

Rao Inderjit Singh, il-Ministru tad-Difiża tal-Indja, wissa li l-ISIS jista’ jikseb l-armi nukleari minn pajjiżi bħall-Indja.
Hu qal dan waqt il-konferenza reġjonali dwar is-sigurtà ta’ Shangri-La f’Singapore.
Hu qal li hekk kif l-ISIS qed irabbi l-għeruq fil-Punent tal-Asja wkoll, mhux eskluż li jiksbu aċċess għal arma nukleari.
Aktar kmieni x-xahar li għadda, l-ISIS indika li kien qed jipprova jixtri arma nukleari u li din aktarx tiġi mill-Pakistan.
F’artiklu fir-rivista ‘Dabiq’, ir-rivista ta’ propaganda tal-ISIS li tinxtered minn fuq l-internet, l-ISIS ftaħar li kellu aċċess għal finanzi kbar u hemm uffiċjali korrotti li setgħu jiksbulhom arma nukleari mill-Pakistan.
Imma esperti fil-qasam qalu li din il-probabbiltà kienet waħda remota ħafna.
Dan minkejja li Abdul Qadeer Khan, ix-xjenzjat Pakistani li żviluppa l-bomba nukleari għall-Pakistan, fl-2004 kien ammetta li hu u nies qrib tiegħu kienu biegħu t-teknoloġija bil-moħbi lill-pajjiżi bħall-Korea ta’ Fuq u l-Iran.
Il-Pakistan kien żviluppa l-arma nukleari bi tweġiba għall-programm Indjan u ż-żewġ pajjiżi huma kkunsidrati li għandhom sigurtà laxka mal-armi nukleari.
Hu stmat li l-Pakistan għandu bejn 100 u 120 arma nukleari.