Renald Hayman, ta’ 33 sena mill-Isla, ingħata l-libertà proviżorja wara li nqabad jipprova jaħraq il-bieb tad-dar tat-tfajla tiegħu. F’Settembru li għadda r-raġel ntbagħat sena ħabs wara li kien instab ħati li rabat lill-istess tfajla ma’ siġġu u sakkarha fil-kamra tas-sodda għax kien beża’ li toħroġ ma’ raġel ieħor.
Hayman, li nhar is-Sibt inqabad b’lighter f’idejh lest biex jaħraq il-bieb tad-dar fil-Fgura, ġie akkużat ukoll li pprova jagħmel ħsara lil propjetà privata, li wettaq atti kaġun ta’ fissazzjoni fuq it-tfajla, li heddidha bi vjolenza u li kiser ordni ta’ probation.
Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit tatu l-libertà proviżorja fuq garanzija personali ta’ €10,000. Ordnatlu biex ma jersaqx lejn il-Fgura, biex jiffirma kuljum fl-għassa tal-Pulizija u biex jidħol lura d-dar sa nofsillejl.
L-avukat Lucio Schriha deher għall-akkużat waqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Hubert Cini.
F’Settembru, Hayman kien ordnat jagħmel programm ta’ rijabilitazzjoni biex joħroġ mill-problema tiegħu tal-alkoħol waqt li l-Qorti kienet ħarġet ordni ta’ protezzjoni fuq il-mara. Imma, skont sorsi differenti, il-koppja kienet reġgħet flimkien wara li r-raġel ħareġ mill-ħabs.
//= $special ?>