Internazzjonali

L-ITALJA: Disfatta għal Renzi fl-elezzjonijiet reġjonali

Disfatta għall-Partit Demokratiku tal-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi wara l-elezzjonijiet reġjonali fi tmiem il-ġimgħa.
Elezzjonijiet li taw rebħiet importanti lil żewġ partiti ribelli – il-Lega Nord u l-Movimento Cinque Stelle ta’ Beppe Grillo.
Din kienet l-ewwel disfatta elettorali għal Renzi li tilef ir-reġjun ta’ Liguria fejn kien elett Giovanni Toti, il-kandidat ta’ Forza Italia ta’ Silvio Berlusconi, u li kellu l-appoġġ tal-Lega Nord.
Imma l-Partit ta’ Renzi rebaħ ħamsa mis-seba’ reġjuni imma r-rebħiet ma kinux konvinċenti.
Il-kandidat ta’ Renzi fir-reġjun tal-Veneto ħabbar disfatta kbira u kien ikkonfermat Luca Zaia, il-kandidat tal-Lega, li ġab id-doppju tal-voti tal-kandidat tal-Partit Demokratiku.
Madwar l-Italja, il-Lega Nord u l-Movimento Cinque Stelle kisbu gwadanji sinifikanti u fuq skala nazzjonali kisbu 12.5 u 19.6 fil-mija tal-voti rispettivament.
Il-Partit Demokratiku kiseb 22.6 fil-mija tal-voti filwaqt li Forza Italia kiseb 10.7 fil-mija.
Fl-elezzjoni marru jivvutaw 53 fil-mija tat-22 miljun persuna li kellhom id-dritt għall-vot.
Il-Movimento Cinque Stelle kiseb l-akbar numru ta’ voti fi tliet reġjuni: Liguria, Campania u Puglia, meta wieħed iqis li l-partiti l-oħra li ġew qablu, ġabu aktar voti għaliex ingħaqdu f’koalizzjonijiet.
Dawn kienu l-ewwel elezzjonijiet reġjonali li kkontesta l-Movimento Cinque Stelle.