Lokali

L-Oppożizzjoni tqajjem numru ta’ mistoqsijiet b’rabta mal-każ tal-proprjetà fi Triq iż-Żekka

Il-każ żvelat minn The Sunday Times of Malta dwar ħlas ta’ aktar minn €1.6 miljun mill-Gvern għal nofs proprjetà fi Strada Zekka fil-Belt hu wieħed jinten ħafna u Joseph Muscat għandu bosta mistoqsijiet xi jwieġeb. Id-dikjarazzjoni ta’ Muscat li ma kien jaf b’xejn ma jemminha ħadd, b’mod speċjali minħabba l-fatt li Muscat hu l-politiku responsabbli mid-Dipartiment tal-Artijiet.

F’konferenza tal-aħbarijiet, ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja, id-Demokrazija u d-Drittijiet taċ-Ċittadin Jason Azzopardi għamel numru ta’ mistoqsijiet, li Muscat personalment għandu jwieġeb għalihom. Qal li Joseph Muscat jaħseb li f’dan il-pajjiż kulħadd mazzun u jemmen dak li jgħid hu, qisu xi Vanġelu.

Ix-Shadow Minister qal li Joseph Muscat sejjer żbaljat jekk għadu jaħseb hekk, wara li l-poplu Malti u Għawdxi beda jinduna min hu verament Joseph Muscat. Fl-aħħar skandlu fid-Dipartiment tal-Artijiet, ħadd mhu jemmen lil Muscat li ma kien jaf b’xejn.

Jason Azzopardi fakkar li fl-istess żmien li sar dan il-ftehim jinten, l-istess Joseph Muscat kien qed jiġi akkużat b’indħil dirett fl-iskandlu tal-Cafe’ Premier. Qal li kull ħaġa li jidħol fiha Muscat, tkun tinten, filwaqt li fakkar li dan hu t-tielet skandlu: wara dak tal-Australia Hall u tal-Cafe’ Premier.