Il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jitfa’ r-responsabbiltà tat-trattattivi fil-każ ta’ Mark Gaffarena fuq is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon. Dan jirriżulta ċar mill-fatt li b’ordni minn Kastilja, is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon kellu jagħmel konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu, bl-avviż jasal fil-kmamar tal-aħbarijiet 45 minuta biss qabel bdiet il-konfernza fid-9.30am.
Il-każ kien żvelat ilbieraħ f’The Sunday Times u jikkonċerna bini ta’ palazz fil-Belt minn Mark Gaffarena, liema palazz inkiseb mid-Dipartiment tal-Artijiet.
Jirriżulta li Mark Gaffarena xtara l-palazz fis-26 ta’ Frar li għadda għal madwar €140,000, filwaqt li anqas minn xahrejn wara, il-post inkiseb mid-Dipartiment tal-Artijiet għal €1.6 miljun bħala flus f’meded ta’ art li jammontaw għal għaxar grounds tal-football. Il-post fil-Belt hu wżat bħala skola u bħala kwartieri tal-Kunsill Konsultattiv għall-industrija tal-Kostruzzjoni.
Michael Falzon qal li l-art kienet valutata għal €822,500 minn Periti tad-Dipartiment tal-Artijiet. Dan ifisser li f’xahrejn, Gaffarena għamel qligħ ta’ €685,000 grazzi għall-esproprjazzjoni fast-track tal-propjetà fil-Belt.
Is-Segretarju Parlamentari qal li d-Dipartiment tal-Artijiet mexa strettament skont il-Liġi u ma kien hemm l-ebda intervent politiku fil-każ. Qal li dak li għamel il-Gvern f’dan il-każ hu li jressaq liż-żewġ partijiet biex isir in-negozju. Michael Falzon kompla li kieku l-palazz ma inxtarax mill-Gvern, kien se jintilef fl-2028, filwaqt li tenna li l-proċeduri saru kollha mid-Dipartiment tal-Artijiet.
//= $special ?>