Partijiet mill-binja fejn hemm l-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema huma strutturalment ikkundannati. Dan kien ikkonfermat f’dikjarazzjoni ta’ Perit tal-Gvern, li jindika l-istat li tinsab fih il-binja strutturali tal-Għassa f’Tas-Sliema.
Il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela kkonferma dan meta wieġeb Mistoqsija Parlamentari tal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit Beppe Fenech Adami. Madankollu, it-tweġiba tal-Ministru Abela waslet xahrejn tard, meta qal li ttieħdet azzjoni mmedjata appena sar magħruf l-istat tal-binja.
Il-Ministru qal li ttieħdet azzjoni biex dawk il-partijiet fejn hemm il-ħsarat jiġu vakati, filwaqt li sar xi xogħol temporanju biex il-periklu jitneħħa. Jirriżulta wkoll li wara li saru x-xogħlijiet temporanji biex jitneħħa l-periklu, skont il-pariri tal-Periti issa qed isiru arranġamenti biex jibdew it-tiswijiet meħtieġa fil-partijiet tal-Għassa fejn hemm il-ħsarat.
Hekk kif jirriżulta li hemm ukoll ħsarat fis-saqaf u fuq ħajt, ikkawżati mill-ilma tax-xita li daħal mill-bejt, il-Periti rrakkomandaw xogħlijiet ta’ manutenzjoni urġenti biex jitnaqqas il-piż minn fuq it-travi, kif ukoll biex tissaħħaħ l-istruttura tal-ħajt. Kien innutat ukoll xogħol meħtieġ b’mod urġenti biex titranġa parti minn ħajt taħt l-opramorta, li jista’ jkun ta’ periklu għall-pubbliku li jkun għaddej mit-triq.
Din l-informazzjoni u t-tweġiba mill-Ministru tal-Intern ingħataw wara li l-Mistoqsija Parlamentari saret darbtejn.
//= $special ?>