Hemm ottimiżmu fid-dinja medika wara li provi fuq mediċina ġdida għal kontra l-kanċer tal-ġilda taw riżultati tajbin ħafna.
It-taħlita ta’ żewġ mediċini wasslet biex f’madwar 60 fil-mija tal-każi, pazjenti b’melanoma avvanzata raw it-tumur jiċkien inkella jitrażżan u hemm min qed jittama li dan se jwassal għal era ġdida fit-trattament tal-kanċer.
It-terapija ġdida tagħmel użu minn dik li hi magħrufa bħala immunoterapija, li tuża s-sistema ta’ difiża tal-ġisem tal-bniedem biex tattakka ċ-ċelloli bil-kanċer. L-esperti issa jemmnu li forsi jista’ jkun possibbli li fil-ħames snin li ġejjin din il-kura tieħu post il-kimoterapija.
Il-Professur Roy Herbst, il-kap tat-taqsima għall-kura tal-kanċer f’Yale Cancer Centre, qal li l-potenzjal għal kura effettiva tal-kanċer definittivament qiegħed hemm filwaqt li l-Professur Peter Johnson, id-direttur ta’ Cancer Research UK, qal li l-provi li saru qed jagħtu indikazzjoni ta’ era ġdida fil-kura tal-kanċer.
B’kollox saru provi fuq skala internazzjonali fuq 945 pazjent bil-mediċini ipilimumab u nivolumab.
Min-naħa l-oħra, filwaqt li esperti faħħru dan il-pass, wissew ukoll li jista’ jkun hemm side effects li wieħed irid jara eżattament x’inhuma. Intqal li ċ-ċavetta ta’ kollox kienet li jkunu identifikati liema huma dawk il-pazjenti li jibbenefikaw l-aktar minn dan it-trattament.
Pass importanti fil-ġlieda kontra l-kanċer
