Ambjent Lokali

Policy ġdida mill-MEPA għal Triq id-Dejqa u l-Biċċerija l-Antika

Il-MEPA ppubblikat policy ġdida għal Triq id-Dejqa u għall-Biċċerija Ċivili l-Antika fil-Belt Valletta.

Il-policy approvata, u li tissostwixxi policies oħra għal dawn iż-żoni, tħeġġeġ ir-rijabilitazzjoni u l-għoti mill-ġdid ta’ ħajja lil dawn iż-żewġ żoni fil-Belt skont il-viżjoni tal-Gvern għal Valletta18.

Il-MEPA, fi stqarrija, qalet li dan id-dokument jipprovdi mezz għall-bidla ta’ dawn iż-żoni f’hub kreattiva u multi-kulturali. Dan jgħodd għal attivitajiet ta’ kultura u snajja’ lokali u għall-propjetajiet li jagħtu għal fuq dawn l-inħawi.

Il-policy tidentifika l-qalba taż-żona u l-periferija. Fil-każ ta’ Triq id-Dejqa, din hi bejn Triq Santa Luċija u Triq San Kristofru, fejn se jitħallew attivitajiet meqjusa “b’intensità għolja” fosthom ħwienet bil-mużika li jaħdmu sa tard billejl. Attivitajiet bħal studios għat-tagħlim, ħwienet indipendenti, spazji għall-wirjiet u akkomodazzjoni turistika għandhom isiru mit-tieni sular ’il fuq jew fil-periferija.

Se tingħata attenzjoni speċifika lir-restawr u l-integrazzjoni fl-iskemi tad-disinn ta’ sinjali jew reklami mpinġija waqt li tidentifika wkoll linji gwida għall-għamara tat-triq. Il-parti mtarrġa ta’ Triq id-Dejqa ġiet identifikata bħala parti mill-inħawi adatta biex issebbaħ l-ambjent.

Parti minn Triq id-Dejqa se titqies pedestrijanizzata waqt li d-dokument jinkoraġixxi postijiet għar-ristoranti u kafeteriji ta’ kwalità għolja, inkluż imwejjed u siġġijiet barra.

Il-MEPA qalet li l-istess qafas ta’ policy hu applikabbli wkoll għall-Biċċerija l-Antika.