Tork, ta’ 38 sena, ġie akkużat bil-qtil involontarju tat-tifel Libjan ta’ 10 snin, Rodwan Aghil, waqt li kien qed jaqsam it-triq f’Saint Andrew’s jumejn ilu.
Fatih Pancar, li hu sid ta’ ristorant minn San Pawl il-Baħar, qed jgħid li mhux ħati li kkaġuna l-mewt tat-tifel minħabba negliġenza, li kien qed isuq il-karozza tiegħu b’mod perikoluż u b’veloċità qawwija.
L-inċident seħħ barra mill-faċilitajiet sportivi tal-Luxol għall-ħabta tat-3.30pm. Għall-akkużat dehru l-avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta li oġġezzjonaw, quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, li l-klijent tagħhom jitressaq il-Qorti b’arrest.
Imma l-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispetturi Trevor Micallef u Carol Fabri, qalu li r-reat li dwaru kien akkużat Pancar, iġib miegħu arrest.
Saħqu li għandhom suspett qawwi li l-akkużat jista’ jaħrab minn Malta. Imma l-avukat tiegħu, Jason Azzopardi, saħaq li l-klijent tiegħu ilu Malta għall-aħħar 16-il sena u sempliċement għaliex għandu passaport ma jfissirx li se jaħrab mill-pajjiż.
Il-Maġistrat ordnat lill-akkużat iħallas depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €10,000.
//= $special ?>