Għawdex Qorti

F’Ottubru li għadda Anton Refalo attenda għal parti mil-laqgħa mal-whistleblower

Tintemm il-kumpilazzjoni dwar l-allegat xogħol fil-privat minn Anthony Debono

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru ta’ Għawdex iltaqa’ mal-Whistleblower f’Ottubru tal-2014

Is-Segretarju Permanenti jgħid li għal parti ta’ waħda mil-laqgħa ma’ Joseph Cauchi ‘Sansun’ fil-Ministeru kien hemm preżenti wkoll il-Ministru Anton Refalo

Meta dalgħodu ntemmet il-kumpilazzjoni fil-każ ta’ Anthony Debono dwar allegat xogħol fil-privat f’Għawdex fis-sena 2013 u fis-snin ta’ qabel, xehed John Borg, Karkariż li hu s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għal Għawdex u bil-ġurament qal li kien f’Ottubru tas-sena l-oħra li ltaqa’ ma’ Joseph Cauchi, magħruf bħala ‘Sansun’ u li aktar tard ingħata ċ-ċertifikat ta’ Whistleblower, u sema’ mingħandu kif allegatament kellu jieħu flus mill-Ministeru kemm għal xogħol li għamel fir-Razzett tal-Gvern kif ukoll għal xogħol li allegatament għamel fil-privat.

Minn Ottubru tal-2014 sa Marzu tal-2015 jidher li ma sar xejn b’mod partikulari u rilevanti dwar dan kollu u kellu jkun rapport f’sezzjoni tal-media li instiga telefonta minn John Borg lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jibda jinvestiga dan il-każ!
Fix-xhieda tiegħu wkoll John Borg qal ukoll li għal waħda mil-laqgħa li saru ma’ Joseph Cauchi ‘Sansun’ fil-Ministeru – preċiżament għal parti minn din il-laqgħa fejn kien diskuss ix-xogħol li sar fir-Razzett tal-Gvern – kien hemm preżenti wkoll Anton Refalo, il-Ministru għal Għawdex li iżda ħareġ mil-laqgħa meta l-partijiet bdew jiddiskutu dak li allegatament Joseph Cauchi beda jgħid li għandu jieħu dwar xogħlijiet li kien tqabbad jagħmel fil-privat.

Sadattant fi tmiem il-kumpilazzjoni, il-Maġistrat Neville Camilleri qal li wara li kien sema’ lill-Prosekuzzjoni u lid-Difiża jressqu l-argumenti tagħhom dwar dan il-każ – fosthom lid-Difiża li anqas biss ikkontestat il-kwistjoni tal-prima facie – il-Qorti kellha provi biżżejjed biex Anthony Debono jitpoġġa taħt att ta’ akkuża u hekk l-atti kollha issa jintbagħtu lill-Avukat Ġenerali biex ikun jista’ jipproċedi.

F’dan il-każ Anthony Debono, ir-raġel tal-eks Ministru għal Għawdex Giovanna Debono, hu akkużat b’miżappropriazzjoni, frodi u falsifikazzjoni għad-dannu tal-Gvern Malti fis-sena 2013 u fis-snin ta’ qabel.

Anthony Debono Qorti Ghawdex

Il-kumpilazzjoni kienet qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri, filwaqt li l-Prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispetturi Ian Abdilla u Rennie Stivala, filwaqt li d-Difiża kienet immexxija mill-Avukat Joseph Giglio.

Fil-bidu tas-seduta beda jixhed John Borg, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għal Għawdex, li qal li kien hu li ċempel lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jiskatta investigazzjonijiet dwar allegat xogħol fil-privat ordnati fl-2013 u qabel minn Anthony Debono.

Hu qal li kien nhar it-8 ta’ Marzu 2015 meta fil-media sar rapport li kien jallega xogħlijiet fil-privat u li għalihom min tqabbad jagħmilhom kien qed jallega li ma kienx tħallas tax-xogħlijiet li kien tqabbad jagħmel.

Hu qal li hu mwieled f’Malta u la jaf lill-Għawdxin u anqas lil Għawdex u dwar dan il-każ f’Ottubru tal-2014 kien kellmu ċertu Joseph Cauchi li qallu li kien għamel xogħlijiet fir-Razzett tal-Gvern u fil-privat, iżda kien għadu ma tħallasx tagħhom u għalhekk xtaq li jitħallas.

Hu qal li dwar dan kien tkellem ma’ Joseph Portelli, wieħed mid-Diretturi, li kien qallu li kien jaf dwar dan il-każ imqajjem minn Joseph Cauchi. Kien hemm qbil li jkun verifikat ix-xogħol li kien ingħad li sar fir-Rażżett tal-Gvern u ta’ dan jitħallas, iżda mbagħad kien hemm problema dwar l-allegati xogħlijiet fil-privat allegatament imqabbda lilu minn Anthony Debono.

F’waħda mil-laqgħat kien spjegat lil Joseph Cauchi li b’dak li kien qed jagħmel seta’ jinkrimina lilu nnifsu iżda hu qal li kien hemm l-Att dwar il-Whistleblower u ried li jingħata dan iċ-ċertifikat biex seta’ jibqa’ għaddej bil-każ tiegħu.

John Borg qal li hu jiftakar tajjeb li nhar it-8 ta’ Marzu u l-għada kienu marru Għawdex il-Pulizija u kienu ssiġillaw għadd ġmielu ta’ uffiċċji li fihom seta’ kien hemm dokumenti li setgħu jgħinu fl-investigażżjonijiet.

Hu qal li jiftakar tajjeb ukoll li Joseph Cauchi kien insista mal-Ministeru ta’ Għawdex li jitħallas is-somma ta’ €50,000 li skont hu kien fadallu jieħu għax-xogħlijiet li kien għamel u li tagħhom kien għadu ma tħallasx.

Mistoqsi jekk kienx jaf lil Anthony Debono, John Borg wieġeb li hu qatt ma kien iltaqa’ miegħu.

Fis-seduta xehdu wkoll Mario Calleja, id-Direttur Ġenerali Operations, u Anna Maria Vella, Senior Prinċipal li taħt ir-responsabbiltajiet tagħha jaqa’ l-HR.