Lokali Parlament

Il-Gvern falla f’dak li wiegħed dwar l-isfida tal-immigrazzjoni

Il-Prim Ministru ma rnexxilux jipperswadi lill-UE u jagħmel il-każ ta’ Malta partiklaru meta l-UE qablet fuq il-kunċett li l-piż irid jintrefa’ mill-Ewropa kollha

L-Oppożizzjoni kkritikat bil-qawwa lill-Gvern li falla meta ma rnexxilux jipperswadi lill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li l-każ ta’ Malta hu partikolari u ma ġejniex ikkunsidrati bħall-Italja u l-Greċja fil-pjan ta’ rilokazzjoni għas-sentejn li ġejjin.

Filwaqt li dak li ilu jisħaq il-Partit Nazzjonalista mal-UE issa ġie rikonoxxut u tpoġġa fil-prattika – dak li l-problema tal-immigrazzjoni hi tal-Ewropa kollha u mhux biss tal-Italja, il-Greċja u Malta – il-Gvern Malti falla li ma pperswadix lill-UE li l-każ tagħna hu wkoll partikulari meta ntlaħaq qbil fuq pjan fuq perjodu ta’ sentejn għal rilokazzjoni ta’ 40,000 persuna li fil-preżent jinsabu fl-Italja u l-Greċja li se jiġu maqsuma bejn il-pajjiżi kollha tal-UE, inkluż Malta.

Meta tkellem fil-Parlament dwar ir-realtà tal-mmigrazzjoni f’pajjiżna, il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-PN, Beppe Fenech Adami, sejjaħ bħala falliment il-politika tal-Gvern fil-kwistjoni tant sensittiva u reali tal-immigrazzjoni f’pajjiżna.

Ma ġejniex ikkunsidrati bħall-Italja u l-Greċja
Beppe Fenech Adami saħaq li l-Gvern falla meta ma ġejniex ikkunsidrati bħall-Italja u l-Greċja bħala pajjiż li għandna bżonn l-għajnuna kultant ukoll urġenti. Falla għaliex it-theddid tal-Prim Ministru flok issarraf f’riżultat pożittiv, irriżulta f’sitwazzjoni fejn tpoġġejna mal-ġenb.

Ma rnexxilux jipperswadi lil ħadd li d-daqs tagħna jagħmilna f’sitwazzjoni li teħtieġ l-attenzjoni
Beppe Fenech Adami, Shadow Minister għall-Intern, qal li l-Gvern Malti falla wkoll għaliex ma rnexxilux jipperswadi lil ħadd li d-daqs tagħna jagħmilna f’sitwazzjoni li teħtieġ l-attenzjoni, u li għandna realtà ta’ numru kbir ta’ immigranti li minbarra li jiġu mill-Eritrea, jiġu wkoll mis-Somalja u Sudan, iżda li mhumiex nazzjonalitajiet li kienu inklużi fil-lista ta’ immigranti li jiġu rilokati.

Il-programmi bilaterali ma’ pajjiżi fl-UE dwar ir-rilokazzjoni tal-immigranti spiċċaw fix-xejn
Il-Gvern falla għaliex il-programmi bilaterali ma’ pajjiżi fl-UE dwar ir-rilokazzjoni tal-immigranti bħal donnhom spiċċaw fix-xejn. Dan meta paragunat mar-riżultati li l-Gvern preċedenti kien kiseb minn dawn il-programmi fosthom mal-Istati Uniti tal-Amerika li kienet fehmet il-problema u r-realtà f’pajjiżna u fil-ħames snin tal-aħħar leġiżlatura ħadet kważii elfejn persuna. Sellem lil pajjiżi oħrajn tal-UE li aċċettaw ukoll persuni f’pajjiżhom minn Malta tul il-leġiżlatura l-oħra, u ħadu aktar minn 700 persuna.

Se nilqgħu f’pajjiżna 300 persuna oħra fis-sentejn li ġejjjin
Il-Gvern hawn falla wkoll għaliex ilhom ma jiġu rilokati immigranti bi protezzjoni f’pajjiżna lejn xi pajjiż ieħor .
Falla wkoll għaliex flok il-piż se jonqos għax se jitilqu numru ta’ immigranti minn pajjiżna lejn xi pajjiż fl-UE, spiċċajna bi ftehim li se nilqgħu f’pajjiżna 300 persuna oħra fis-sentejn li ġejjjin bil-ftehim milħuq.

L-Oppożizzjoni tisħaq li pajjiżna għandu jilqa’ dawn il-persuni għaliex dawn huma vittmi li rridu nagħtuhom rispett u ma jeħlux huma għall-falliment tal-Gvern tagħna.

Irrimarka li wara sentejn tal-Gvern, il-Parti Laburista fehem kemm kien diżonest meta mill-Oppożizzjoni flok appoġġja lill-Gvern fuq il-kwistjoni tal-immigrazzjoni, kien fixkel, żeblah u ssimplifika ħwejjeġ li kienu tant kumplessi.

L-Oppożizzjoni se taġixxa b’maturità
Fisser li l-Partit Laburista llum fehem li l-populiżmu fl-immigrazzjoni ma jwasslek imkien, u awgura lill-Gvern jibqa’ jirsisti biex iġib riżultati konkreti. L-Oppożizzjoni se taġixxa b’maturità, se tkun kostrutttiva, responsabbli u tappoġġja kull inizjattiva biex pajjiżna jegħleb din l-isfida. Wissa, iżda, li l-Oppożizzjoni mhux se taċċetta ebda ksur tad-drittijiet tal-bniedem tal-aktar nies vulnerabbli fir-realtà tal-immigrazzjoni.

Beppe Fenech Adami spjega li mill-2009 sal-lum, Malta assistiet għal wasla ta’ eluf ta’ persuni li jkunu ħarbu minn pajjiżhom biex jaħarbu mill-gwerer, mill-inkwiet u wkoll mill-ġuħ. Bħala pajjiż għamilna sew li lqajnihom f’pajjiżna għaliex nemmnu f’din is-solidarjetà ma’ min qiegħed ibati u jaħrab biex isalva ħajtu.

Dan għamilnih tul il-leġiżlatura li għaddiet fejn ilqajna lil dawk l-immigranti li wasslu pajjiżna, kellna wkoll induru fuq l-Unjoni Ewropea biex nipperswaduhom li l-problema tal-persuni li qed ibatu meta jaħarbu minn pajjiżhom, mhix problema biss ta’ min jirċevihom, Malta, iżda tal-pajjiżi tal-UE u tal-Ewropa kollha.

Kien Gvern tal-PN li welled il-kunċett tal-burden sharing
Kien Gvern tal-PN li welled il-kunċett tal-burden sharing, u li nsista mal-UE biex jiddaħħal dan il-kunċett. Irimarka iżda, li fi żmien Gvern Nazzjonalista kien hemm Partit Laburista li żeblaħ dan il-kunċett u għamel kemm-il darba kampanja li kien se jsolvi l-problema tal-immigrazzjoni u saħansitra kien ta l-impressjoni li kellu l-banketta maġika u kellu r-roadmap għal din ir-realtà u l-problema.

Il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-PN fakkar li fl-aħħar elezzjoni ġenerali kien hemm min emmen din il-wegħda tal-Partit Laburista u rebaħ l-elezzjoni, u kif tela’ fil-gvern fehem li lil hinn mill-populiżmu tiegħu, il-fenomenu tal-immigrazzjoni irregolari hu ferm aktar kumpless minn kif pinġih l-istess Partit Laburista lill-poplu Malti.

Gvern li ħammar wiċċ Malta mal-Ewropa u mad-dinja meta hedded bil-pushbacks
Mill-esperjenza tal-ewwel persuni li waslu Malta fl-aħħar sentejn, Beppe Fenech Adami qal li rajna Gvern li ħammar wiċċ Malta mal-Ewropa u mad-dinja meta hedded bil-pushbacks meta f’Lulju ta’ sentejn ilu immigranti waslu Malta u flok ma sabu għajnuna li aħna obbligati li nagħmlu, sabu Prim Ministru li qabbadhom l-ajruplan lura fl-inferm ta’ pajjiżhom. B’dak l-aġir tal-Prim Ministru, kienet saret ħsara lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, u saħansitra kien għajjar lill-Kummissarju Ewropew Malmstrom u qalilha biex tieħu l-immigranti f’darha.

Aġir tal-PM li għadna nbatu l-konsegwenza tiegħu
Dakinhar, il-Prim Ministru kien rewwaħ ix-xenofobija u rajna l-popluliżmu fl-agħar forma tiegħu bi ħsara lill-pajjiżna u sal-lum għadna nbatu l-konsegwenza ta’ dak l-aġir. Dan għaliex il-Kummissjoni Ewropea ftit jiem ilu ħabbret pjan għar-rilokazzjoni għal dawn il-persuni li jaslu fl-Ewropa – pjan li fissru bħala pożittiv għall-UE u li jirrikonoxxi l-prinċipju li l-immigrazzjoni hi problema Ewrpea u kull pajjiż għandu jkun responsabbli li jerfa’ parti minnha.

Pjan pożittiv għall-Ewropa iżda li jikxef falliment tal-Gvern Malti
Il-pjan ta’ rilokazzjoni tal-UE tfisser minn Beppe Fenech Adami bħala pass ‘il quddiem. Ftehim li għalkemm hu pożittiv jikxef ukoll falliment tal-Gvern Malti li ma rnexxilux, minkejja t-theddid tiegħu, jipperswadi lill-UE bl-isfidi ta’ Malta li għadha tiffaċċja dwar l-immigrazzjoni.

Il-PN dejjem saħaq li l-każ ta’ Mata hu partikolari u li pajjiżna hu żgħir b’densità għolja ta’ popolazzjoni li filwaqt li għandu jibqa’ jilqa’ lil kull min jasal fil-gżejjer tagħna, għandu bżonn għajnuna immedjata għaliex il-pajjiż hu żgħir u l-impatt hu kbir ħafna fuqna.

Malta kellha tkun parti mill-pjan tal-UE biex il-piż tagħna jonqos u mhux jiżdied
Il-PN kien qed jippretendi lill-Prim Ministru u lill-Ministru tas-Sigurtà Nazzjonali u l-Intern, li madwar il-mejda tan-negozjati li waslet għal dan il-ftehim, il-Gvern jagħmel il-każ b’saħħtu ta’ Malta u jipperswadi lill-mexxejja tal-UE. L-Oppożizzjoni kienet tistenna li meta jintlaħaq ftehim fuq il-prinċipju tal-burden sharing, Malta kienet tkun parti minnu biex il-piż tagħna jonqos u mhux jiżdied kif ġara.

Malta ġiet eskluża għaliex huma biss l-immigranti li jinsabu fl-Italja u fil-Greċja li se jiġu rilokati. Hu fatt innegabbli li l-Gvern Malti ma rnexxilux jipperswadi lill-Ewropa u sal-lum għad hawn realtà ta’ eluf ta’ nies li huma bla xogħol, bla drittijiet u kultant ukoll sfruttati f’pajjiżna stess.

Beppe Fenech Adami sellem lill-NGOs kollha li jaħdmu fil-qasam tal-immigrazzjoni li jaħdmu fil-kwiet u li qajmu wkoll kuxjenza dwar dan il-fenomenu u għenu wkoll lill-pajjiżna biex nagħrfu li dawn il-persuni huma umani, u li jistħoqqilhom ukoll rispett.