Lokali Saħħa

Il-Gvern għandu jassigura li ma jkunx il-poplu Malti li jħallas għax-xogħol biex l-istrutturi fl-Emerġenza jissaħħu – il-PN

Muscat għandu jfittex lil kulmin ipprovda l-konkos u ċċertifikah minnufih

Il-Gvern ta’ Joseph Muscat għandu l-obbligu morali u legali li jfittex minnufih lil kulmin kien responsabbli għall-konkos inferjuri fid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei. Fir-Rapport tal-Inkjesta jissemmew numru ta’ kumpaniji li kienu responsabbli, kemm għall-konkos kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni tiegħu, u dawn għandhom jinżammu responsabbli għal għemilhom.

Il-Gvern għandu jassigura wkoll li l-poplu Malti u Għawdxi ma jħallas l-ebda ċenteżmu għax-xogħol li jrid isir biex jitranġa l-bini, iżda jkunu l-kumpaniji li, skont l-inkjesta wettqu frodi, li jħallsu għal dawn id-danni. Dan qalitu x-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg f’konferenza tal-aħbarijiet ftit sigħat wara li ġie ppreżentat ir-Rapport tal-Inkjesta dwar konkrit inferjuri fid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei.

Claudette Buttigieg qalet li b’dan ir-Rapport, infaqgħet il-bużżieqa ta’ Joseph Muscat, li ilu għal dawn l-aħħar tliet ġimgħat jiprova jħammeġ lil ħaddieħor b’dan il-każ għax kien dahru mal-ħajt minħabba d-deċiżjoni ħażina taż-Żonqor. Jirriżulta li dawk involuti f’din il-kwistjoni huma kollha nies b’kariga għolja fil-Partit Laburista jew viċin ħafna tal-Partit Laburista.

Għaldaqstant, ix-Shadow Minister għas-Saħħa staqsiet lil min qed jipprova jiproteġi Joseph Muscat meta għal dawn l-aħħar ġimgħatejn, kemm hu kif ukoll Konrad Mizzi, għamlu dikjarazzjonijiet li l-Gvern ma jistax ifittex lil min ipprovda konkrit inferjuri minħabba xi tip ta’ waiver.

Min-naħa tiegħu, ix-Shadow Minister għall-Ekonomija Claudio Grech spjega li jekk hemm partit li dejjem kien konsistenti f’din il-kwistjoni, hu l-Partit Nazzjonalista. Fakkar li f’Settembru li għadda, malli feġġ dan il-każ fil-media, l-Oppożizzjoni kienet insistiet li l-Gvern jara min hu responsabbli u jieħu azzjoni kontrieh. L-Oppożizzjoni kienet talbet ukoll biex dan il-każ jiġi diskuss b’mod immedjat fil-Kumitat Parlamentari għas-Saħħa, iżda din kienet ġiet irrifjutata mill-Gvern.

Claudio Grech, kif għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni lbieraħ fil-Parlament, appella lil Joseph Muscat u lil Konrad Mizzi biex, f’ġieħ it-trasparenza, jippubblikaw minnufih ir-Rapport li sar mill-kumpanija internazzjonali Arup u mhux jibqgħu jaħbu partijiet minnu.