Lokali Parlament

Il-Gvern jibqa’ ma jippubblikax l-istrateġija ġdida dwar il-qasam tad-djar

…u ma jgħidx min huma l-istakeholders oħrajn li saret konsultazzjoni magħhom minbarra l-Awtorità tad-Djar

Il-Gvern jibqa’ ma jppubblikax u ma jagħtix lill-Oppożizzjoni informazzjoni dwar l-istrateġija ġdida dwar il-qasam tal-housing li ilha li tlestiet minn Diċembru tal-2013.

Ix-Shadow Minister għall-Politika Soċjali, Paula Mifsud Bonnici, reġgħet ressqet fil-Parlament l-istess mistoqsija lill-Ministru Michael Farrugia biex ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport dwar l-istrateġija l-ġdida dwar il-qasam tal-housing u jgħid ukoll għaliex ma jridx ipoġġi dan ir-rapport fil-Parlament minkejja li ilu jiġi mitlub biex jagħmel dan mill-Oppożizzjoni.

Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali reġa’ kkonferma biss li r-rapport ilu li tlesta mit-23 ta’ Diċembru tal-2013.

Il-Ministru Michael Farrugia lanqas ma wieġeb għall-mistoqsija ċara u diretta biex jgħid min huma l-istakeholders l-oħrajn, minbarra l-Awtorità tad-Djar, li ġew ikkonsultati biex isir ir-rapport dwar l-istrateġija l-ġdida dwar il-qasam tal-housing.

Il-Ministru Farrugia reġa’ wieġeb bl-istess mod li bih wieġeb mistoqsijiet oħrajn simili li sarulu, u baqa’ jsemmi biss li kien hemm stakeholders oħra minbarra l-Awtorità tad-Djar, u dan mingħajr mal-Ministru jidentifika liema kienu.