L-attività ‘Notte Gozitana – Lejlet Lapsi’ għal sena oħra mhux se tkun organizzata mill-Ministeru għal Għawdex. L-indikazzjonijiet kollha huma li l-Ministeru qed joqtol in-Notte Gozitana.
Il-konferma li għat-tieni sena konsekuttiva mhix se ssir din l-attività annwali li kienet saret parti mill-kalendarju kulturali Għawdxi taħt l-amministrazzjoni preċedenti, ingħatat mill-Ministru għal Għawdex Anton Refalo meta wieġeb mistoqsija parlamentari tax-Shadow Minister għal Gawdex, Chris Said.
Mitlub jagħti r-raġuni għal din id-deċiżjoni, il-Ministru Refalo qal li l-flus li kienu jiġu allokati għal din l-attività qed jintefqu f’attivitajiet oħrajn li qed jiġu organizzati matul is-sena biex jiżdied it-turiżmu intern għal Għawdex.
Bħal dan iż-żmien sena, kien hemm diżappunt fost l-Għawdxin, hekk kif kien deċiż mill-Ministeru għal Għawdex li din l-attività annwali ma kinitx se tiġi organizzata minkejja s-suċċessi li kienet kisbet, liema suċċess dejjem baqa’ jikber sena wara oħra.
Lejlet Lapsi – Notte Gozitana kienet tkun attività mifruxa fuq tlett ijiem, li tiċċelebra l-kultura u l-identità Għawdxija, u kienet ilha tiġi organizzata għal seba’ snin sħaħ mill-Ministeru għal Għawdex, bl-aħħar edizzjoni saret bejn l-10 u t-12 ta’ Mejju 2013.
Mit-tweġiba li ta l-Ministru Anton Refalo, l-indikazzjonijiet huma li din l-attività li kienet tattira turiżmu intern u attrazzjoni wkoll unika għat-turisti f’pajjiżna, se tibqa’ biss suċċess tal-passat.
B’deċiżjoni ta’ dan il-Gvern, in-Notte Gozitana tneħħiet għalkollox minn fuq il-programm ta’ avvenimenti li kien jattira ħafna Maltin lejn Għawdex.
//= $special ?>