Lokali Qorti

Il-propjetarji tal-Każin Laburista ta’ Ħal Qormi b’Rikors kontra l-Partit Laburista

Il-propjetarji tal-Każin Laburista ta’ Ħal Qormi ppreżentaw Rikors fil-Qorti, fejn qed jinsistu li qed jinkisru d-drittijiet fundamentali tagħhom minħabba li l-kera li qed jirċievu ma tirriflettix il-valur tal-propjetà. Clothilde Borg, Carmen Mizzi, Joseph Mizzi, Salvinu Mizzi, Vincent Mizzi, Isabelle Mercieca, Cecilia Dalli u Felicita Micallef ippreżentaw ir-Rikors kontra l-Partit Laburista.

Il-qraba saħqu li huma l-propjetari tal-post f’Ħal Qormi, li jinsab fi Triq San Bartolomew, li ġie fil-pussess tagħhom permezz ta’ wirt. Illum, din id-dar tintuża’ bħala Każin Laburista.

Fir-Rikors ingħad li l-valur tal-kera, illum imħallas fil-munita ewro u li jammonta għal €197.04, jitħallas kull sena bil-quddiem. Kompla jingħad li hu evidenti li, meta wiehed iqis il-valur tal-post u fejn jinsab, il-kera li qed tiġi offruta mill-Kumitat Laburista ta’ Ħal Qormi lis-sidien hi baxxa ħafna u bl-ebda mod ma tirrifletti kumpens xieraq fid-dawl tal-valur reali tal-propjetà.

Is-sidien talbu lill-Qorti biex tillikwida kumpens xieraq, filwaqt li tagħti rimedju effettiv u opportun inkluż, jekk ikun il-każ, l-iżgumbrament tal-post inkwistjoni.