Lokali Qorti

Il-UĦM fetħet Protest Ġudizzjarju kontra l-ġurnal tal-GWU

Il-Union Ħaddiema Magħqudin fetħet Protest Ġudizzjarju fil-Qorti kontra l-ġurnal tal-General Workers’ Union, l-orizzont, dwar l-istorja ppubblikata llum.

Permezz tal-avukat tagħha Ian Spiteri Bailey, il-UĦM qed tinsisti li l-artiklu fil-ġurnal tal-GWU jinkludi “stejjer ivvintati, inveritieri, malinni u dannużi” fil-konfront tagħha u tal-membri u l-uffiċjali tagħha bil-għan li tintimida lill-ħaddiema tal-Malta Freeport Terminal fejn fil-jiem li ġejjin se ssir elezzjoni dwar il-union tal-għażla.

Il-UĦM qalet li hi gidba sfaċċata li xi uffiċjali tagħha qed jgħidu lil dawk li se jivvutaw fil-votazzjoni fil-Port Ħieles, biex jieħdu ritratt tal-vot tagħhom u li dan iridu juruh meta jitolbu għajnuna lill-UĦM jekk tirbaħ l-elezzjoni.

Il-union saħqet li dak li għamlet il-GWU hu biss ħmieġ intiż li jweġġa’ r-reputazzjoni tagħha u li kieku kien veru, kienet tirrapporta l-ismijiet ta’ dawk li allegatament qed jitolbu hekk.

Il-UĦM qalet ukoll li l-GWU u l-orizzont gidbu meta qalu li l-GWU għamlet rapport lir-Reġistratur tat-Trade Unions għax l-Aġent Direttur stess li ma kien sar ebda rapport sakemm ma kinitx il-UĦM li għamlet dan.

Ikkontestat ukoll l-allegazzjoni tal-GWU li hemm xi kollużjoni bejn il-UĦM u t-tmexxija tal-Port Ħieles u qalet li hu għajb għal union tgħid dawn l-allegazzjonijiet foloz meta taspira li tkun fuq il-mejda tan-negozjati.

Il-UĦM għalhekk qed titlob lill-GWU biex taċċetta l-proċess demokratiku tal-elezzjoni u li l-editur tal-orizzont jippubblika bl-istess prominenza, ċaħda ta’ dak li kiteb illum, qabel ma ssir l-elezzjoni fil-Port Ħieles. Il-UĦM irriservat id-dritt li f’każ li ma jsirx dan, tirrikorri għal iktar proċeduri legali.