Mietu tal-anqas ħamsa fl-għarqa ta’ bastiment tal-cruises li nqaleb fix-Xmara Yangtze, fil-provinċja Ċiniża ta’ Hubei. Intant, hemm il-mijiet tal-passiġġieri nieqsa, bil-ħaddiema tal-emerġenza qed jistinkaw biex jeħilsu lin-nies li nqabdu ġo parti tal- bastiment li spiċċat mgħarrqa.
L-aħħar rapporti qalu li salvaw 15 fost l-456 persuna li ħarġu fuq il-bastiment li jismu Eastern Star. L-ekwipaġġ tal-bastiment, qabel, ma kien ħareġ l-ebda sinjal ta’ emerġenza u l-awtoritajiet saru jafu b’din it-traġedja mingħand uħud mill-passiġġieri li qabżu fix-xmara u rnexxielhom jgħumu sax-xatt.
Il-parti kbira tan-nies fuq il-bastiment kienu turisti anzjani qed jivvjaġġaw mill-belt ta’ Nanjing lejn Chongqing, fil-Lbiċ taċ-Ċina. Sadanittant, il-maltemp qed ifixkel il-ħidma tas-salvataġġ, bl-inċident jista’ jiżvolġi f’wieħed mill-akbar diżastri ta’ dan it-tip fl-istorja moderna taċ-Ċina.
Il-Kaptan u l-Inġinier Ewlieni tal-bastiment salvaw mid-diżastru u qed jinżammu arrestati. Huma qalu li l-bastiment kien inqabad f’ċiklun u għereq fi ftit minuti waqt li ħafna mill-passiġġieri kienu reqdin.
L-għarqa seħħet fis-settur ‘Damazhou’ tal-Yangtze – it-tielet l-itwal xmara fid-dinja – fejn l-ilma jlaħħaq fond ta’ 15-il metru.
Mal-150 opra tal-baħar u 4,000 ħaddiem tal-emerġenza ħadu sehem fl-isforzi tas-salvataġġ u fl-aħħar sigħat il-bugħaddasa kienu qed iħabbtu bl-imrietel fuq il-parti mgħarrqa tal-bastiment biex jagħmlu ‘kuntatt’ man-nies maqbudin ġewwa.
L-aħħar rapporti qalu li l-Prim Ministru Ċiniż, Li Keqiang, kien fost l-uffiċjali li marru fuq il-post tat-traġedja.
//= $special ?>

