Internazzjonali Saħħa

L-obeżità hi t-tipjip tal-lum, sa 10 snin oħra se tikkaġuna iktar kanċer mit-tipjip

Il-Kap Eżekuttiv tas-servizz pubbliku tas-saħħa Ingliż wissa lill-ġenituri biex jieqfu “jivvelenaw” lil uliedhom b’ċikkulata, ħelu u drinks ħelwin li jikkaġunaw il-kanċer.

Fuq BBC, Simon Stevens spjega li l-obeżità hi fi stat ta’ kriżi fir-Renju Unit u t-tfal għandhom jingħataw flieli ta’ tuffieħa minflok snack biz-zokkor, u ilma u ħalib minflok id-drinks li huma popolari fis-suq.

Insista li l-obeżità llum hi “t-tipjip ġdid”, mewta minn kull ħamsa bil-kanċer hi kkaġunata bl-obeżità, u li l-ġenituri għandhom responsabiltà li ma jpoġġux lil uliedhom f’riskji ta’ mard marbuta mal-piż żejjed, fosthom id-dijabete, mard tal-qalb u l-kanċer.

Għalkemm ma qalx li għandhom jiżdiedu t-taxxi fuq ikel li jagħmel ħsara lis-saħħa, kif qed jipproponu xi politiċi, Stevens saħaq li l-industrija tal-ikel għandha responsabiltajiet hi wkoll u għandha tipprovdi alternattivi tajbin għas-saħħa.

Spjega li r-Renju Unit għandu l-ikbar konsum ta’ energy drinks fl-Ewropa u li l-pajjiż għandu wieħed minn kull tliet żgħażagħ li jixorbu high-energy drinks biz-zokkor. Spjega li l-pajjiż irid jgħaddi minn proċess li jnaqqas iz-zokkor bl-istess mod li fil-passat wasal biex naqqas il-melħ mill-ikel.

Is-sena li għaddiet, Stevens ħeġġeġ lill-1.3 miljun ruħ li jaħdmu fil-qasam tas-servizz pubbliku tas-saħħa, biex jonqsu mill-piż biex iservu ta’ eżempju lill-pazjenti.

L-aħħar riċerka għar-Renju Unit turi li l-obeżità hi responsabbli għal 32,000 mewt bil-kanċer kull sena, u li fi ftit snin oħra ċ-ċifra se tkun ikbar mill-imwiet ikkaġunati b’kanċer b’riżultat tat-tipjip. Tifel minn kull tlieta fir-Renju Unit huma meqjusa b’piż żejjed, u tifel jew tifla minn kull 10 huma obeżi sa kemm jibdew l-iskola primarja.

Skont in-Nazzjonijiet Magħquda, it-tfal m’għandhomx jieħdu iktar minn sitt kuċċarini zokkor fil-ġurnata imma landa ta’ drink li jinsab fis-suq jista’ waħdu jegħleb dan il-limitu. L-organizzazzjoni wissiet ukoll li ħafna ġenituri jagħtu lil uliedhom tazza juice tal-frott, għax jaħsbu li hu bnin imma ħafna ma jirrealizzawx li ħafna drabi dawn huma għolja fil-livell taz-zokkor naturali.