Lokali Parlament

Proġett li diġà waqa’ b’ħames xhur lura u jonqos fażi oħra x’titlesta

Il-proġett tal-flood relief li dan il-Gvern kien iddikjara li kien mistenni li jitlesta sa Diċembru li għadda – sal-aħħar tal-2014 – mhux biss waqa’ lura diġà s’issa b’aktar minn ħames xhur, iżda jonqos fażi sħiħa x’titlesta biex il-proġett ikun konkluż.

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, nhar is-Sibt li għadda, il-Gvern ftaħar li tlestiet fażi oħra fil-proġett tal-flood relief. B’ħafna pompa, il-Ministru Joe Mizzi ftaħar li tlestiet fażi oħra tal-proġett u nesa x’kien qal fil-Parlament meta kien qiegħed iwieġeb mistoqsija parlamentari ta’ sieħbu stess fuq il-bank tal-Gvern, tad-Deputat Laburista Deo Debattista.

F’nofs ix-xahar ta’ Novembru tal-2013, il-Gvern kien iddikjara fil-Parlament li l-proġett tal-flood relief kien mistenni li jitlesa sa Diċembru tas-sena ta’ wara – sal-aħħar tal-2014.

Il-lokalitajiet li fihom qiegħed isir dan il-proġett huma l-Mosta, Ħal Lija, B’Kara, Ħ’Attard, Ħal Balzan, l-Iklin, l-Imsida, il-Gżira, Ta’ Xbiex, Ħal Qormi, il-Marsa, Ħaż-Żebbug (Malta), Ħaż-Żabbar u Wied il-Għajn. L-ispiża tal-proġett kienet mistennija tlaħħaq il-€50.5 miljun. L-Unjoni Ewropea se tiffinanzja €36.4 miljun.

Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Joe Mizzi, is-Sibt li għadda prova jiġġustifika dan id-dewmien li ma nafux kemm se jitwal aktar meta diġà waqa’ lura ħames xhur hekk kif għadha kemm bdiet it-tielet fażi tal-proġett.

Filwaqt li s-Sibt li għadda ma qagħad lura u ma ta ebda indikazzjoni meta dan il-proġett se jitlesta, il-Ministru Joe Mizzi spjega li kien hemm xi ftit ta’ dewmien minħabba li qal li nstab xelter ta’ żmien il-gwerra.