Fil-Qorti ta’ Għawdex kompliet il-kumpilazzjoni dwar il-każ ta’ Anthony Debono fejn fil-bidu tas-seduta xehed Joħn Borg, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għal Għawdex, li qal li kien hu li ċempel lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jiskatta investigazzjonijiet dwar allegat xogħol fil-privat ordnati fl-2013 u qabel minn Anthony Debono.
Hu qal li kien nhar it-8 ta’ Marzu 2015 meta fil-media sar rapport li kien jallega xogħlijiet fil-privat u li għalihom min tqabbad jagħmilhom kien qed jallega li ma kienx tħallas tax-xogħlijiet li kien tqabbad jagħmel.
Hu qal li hu mwieled f’Malta u la jaf lill-Għawdxin u anqas lil Għawdex u dwar dan il-każ f’Ottubru tal-2014 kien kellmu ċertu Joseph Cauchi li qallu li kien għamel xogħlijiet fir-Razzett tal-Gvern u fil-privat, iżda kien għadu ma tħallasx tagħhom u għalhekk xtaq li jitħallas.
Hu qal li dwar dan kien tkellem ma’ Joseph Portelli, wieħed mid-Diretturi, li kien qallu li kien jaf dwar dan il-każ imqajjem minn Joseph Cauchi. Kien hemm qbil li jkun verifikat ix-xogħol li kien ingħad li sar fir-Rażżett tal-Gvern u ta’ dan jitħallas, iżda mbagħad kien hemm problema dwar l-allegati xogħlijiet fil-privat allegatament imqabbda lilu minn Anthony Debono.
F’waħda mil-laqgħat kien spjegat lil Joseph Cauchi li b’dak li kien qed jagħmel seta’ jinkrimina lilu nnifsu iżda hu qal li kien hemm l-Att dwar il-Whistleblower u ried li jingħata dan iċ-ċertifikat biex seta’ jibqa’ għaddej bil-każ tiegħu.
John Borg qal li hu jiftakar tajjeb li nhar it-8 ta’ Marzu u l-għada kienu marru Għawdex il-Pulizija u kienu ssiġillaw għadd ġmielu ta’ uffiċċji li fihom seta’ kien hemm dokumenti li setgħu jgħinu fl-investigażżjonijiet.
Hu qal li jiftakar tajjeb ukoll li Joseph Cauchi kien insista mal-Ministeru ta’ Għawdex li jitħallas is-somma ta’ €50,000 li skont hu kien fadallu jieħu għax-xogħlijiet li kien għamel u li tagħhom kien għadu ma tħallasx.
Mistoqsi jekk kienx jaf lil Anthony Debono, John Borg wieġeb li hu qatt ma kien iltaqa’ miegħu.
Fis-seduta xehdu wkoll Mario Calleja, id-Direttur Ġenerali Operations, u Anna Maria Vella, Senior Prinċipal li taħt ir-responsabbiltajiet tagħha jaqa’ l-HR.
//= $special ?>