Ambjent Lokali

Vot unanimu favur il-Pjan Strateġiku dwar l-Ambjent u l-Ippjanar

L-Oppożizzjoni tesprimi riservi dwar partijiet mill-pjan, wara li d-dokument aġġornat jintwera siegħa biss qabel ftuħ tal-laqgħa

 

Il-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ilbieraħ approva b’mod unanimu d-dokument emendat tal-Pjan Strateġiku tal-Ambjent u l-Ippjanar, wara snin ta’ diskussjonijiet dwar dan id-dokument li għandu jservi bħala gwida biex l-ambjent f’pajjiżna jitħares minn żvilupp eċċessiv u insostenibli.

Il-laqgħa bdiet biċ-Ċermen tal-Kumitat, Marlene Farrugia tgħid li fil-laqgħa ta’ qabel, kienu ntlaqgħu numru ta’ emendi u suġġerimenti minn għaqdiet u deputati, u dawn żdiedu mad-dokument oriġinali. Min-naħa tagħha, id-deputata tal-Partit Nazzjonalista Marthese Portelli tenniet li hija ħasra li l-kopja aġġornata tad-dokument intbagħat lil membri tal-Kumitat ftit mumenti biss qabel bdiet il-laqgħa. Flimkien mad-deputat Ryan Callus, hi qalet li dan imur kontra l-ispirtu ta’ skrutinju li hu mistenni mill-membri ta’ dan il-Kumitat, minħabba li ma ngħatawx biżżejjed ċans biex jipprovdu suġġerimenti kostruttivi wara li janalizzaw il-verżjoni aġġornata tad-dokument.

Marlene Farrugia qalet li huwa ta’ importanza nazzjonali li dan id-dokument jitlesta mill-aktar fis. Michael Falzon, f’isem il-Gvern, tenna li d-deputati tal-Partit Laburista m’għandhom l-ebda intenzjoni li joħonqu jew jisfreġjaw l-ambjent. Huwa ippreżenta d-dokument kollu lil membri tal-Kumitat, qabel ma reġa’ nfetaħ għad-diskussjoni.

Fost il-proposti tad-deputati tal-Oppożizzjoni fl-emendi ta’ dan il-Pjan qabel ma jkun preżentat fil-plenarja, kien hemm suġġeriment mid-deputat Ryan Callus li tingħata iktar importanza lin-Nofsinhar ta’ Malta, fid-dawl tal-iżviluppi riċenti li qed ikunu proposti mill-Gvern. Id-deputati Marlene Farrugia u Michael Falzon qalu li ma jħossux li hemm bżonn ta’ din l-emenda għax m’għandhiex issir iktar distinzjoni bejn in-Nofsinhar u t-Tramuntana ta’ Malta.

L-istess deputati tal-Oppożizzjoni preżentaw ukoll suġġerimenti biex il-Pjan jagħti iktar importanza lill-iskylines ta’ pajjiżna, kif ukoll il-bżonn li jsir eżerċizzju ta’ konsultazzjoni pubblika fil-proċess tal-valutazzjoni tal-ambjent Malti.

Il-vot ittieħed madwar tliet sigħat mill-bidu tal-laqgħa, u se jkun qed jitressaq quddiem il-Kamra tad-Deputati qabel jittieħed vot fil-plenarja.