Edukazzjoni Lokali

Aktar mistoqsijiet u dubji dwar il-proġett fl-ODZ fiż-Żonqor

Qed iqumu aktar mistoqsijiet u dubji dwar il-proġett f’sit ODZ fiż-Żonqor. Dan hekk kif minn dikjarazzjonijiet tal-Uffiċjali tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla, jirriżulta li d-diskussjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-Università l-ġdida fiż-Żonqor qed isiru mal-konsorzju Ġordaniż Sadeen u mhux mal-Università ta’ Malta jew ma’ xi entità edukattiva oħra.

Dan għaliex l-applikazzjoni għall-bini tal-Università saret mill-konsorzju Ġordaniż u minkejja li l-konsorzju ma għandu l-ebda kredenzjali edukattivi, iżda hu biss konsorzju li jibni. L-Università fiż-Żonqor kienet trattata f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Uffiċjali tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla, ippreseduta miċ-Chairman Martin Scicluna.

Mistoqsija biex jagħtu dettalji dwar l-applikazzjoni tal-Università fiż-Żonqor, il-membri tal-Kummissjoni qalu li dawn huma kunfidenzjali u ma setgħux jispeċifikaw jekk l-Università hux se tkun waħda kbira ta’ 4,000 student jew waħda iżgħar. Dan meta bħalissa l-Gvern qed jipproċessa tliet applikazzjonjiet għall-ftuħ ta’ Universitajiet ġodda, fosthom dik fiż-Żonqor.

Mill-konferenza tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla rriżulta li fil-każ tal-applikazzjonijiet tal-Universitajiet Middlesex u Bart f’Malta, in-negozjati saru mill-istess Universitajiet u mhux mill-konsorzju li bnihom.

Iċ-Chairman u l-membri tal-Kummissjoni sostnew li jkun min ikun l-applikant, huma se jimxu bl-aktar mod rigoruż u strett dwar il-kundizzjonijiet mitluba. Dan għax skont il-membri, l-Avviż Legali kontroversjali li daħħal il-Gvern fil-jiem li għaddew mhux se jnaqqas il-livelli tal-edukazzjoni fil-pajjiż.

Martin Scicluna sostna li kienet kumbinazzjoni li dan l-Avviz Legali kien ippubblikat ftit jiem biss wara li l-Gvern ftiehem mal-konsorzju Ġordaniż.