Lokali

Charles Buhagiar ma kienx jaf bl-espropjazzjoni ta’ binja fil-Belt lil Mark Gaffarena

Il-Membru Parlamentari Laburista Charles Buhagiar, li hu ċ-Chairman tal-Kunsill Konsultattiv għall-Industrija tal-Bini (BICC) sostna li ma kienx jaf li l-Gvern ħallas aktar minn €1.5 miljun lil Mark Gaffarena bħala kumpens għal espropjazzjoni ta’ propjetà fil-Belt.

Il-membru Parlamentari Laburista qal li mhux veru li l-Gvern kellu l-intenzjoni li jespropja l-bini li minnu jitmexxa l-BICC. Hu sostna wkoll li l-espropjazzjoni tal-propjetà taqa’ taħt id-Dipartiment tal-Artijiet u li sar jaf b’dan kollu l-ġimgħa li għaddiet mill-media.

Din l-informazzjoni kienet ippubblikata f’artiklu fil-gazzetta MaltaToday, li qal ukoll li Gaffarena tħallas bi flus kontanti. Kollox beda meta Mark Gaffarena xtara kwart ta’ propjetà fi Strada Zekka għall-valur ta’ ftit aktar minn €23,000. Fit-28 ta’ Jannar li għadda, il-Gvern espropja kwart tal-propjetà u ħallas lil Gaffarena €822,500 f’art u flus kontanti.

Fis-26 ta’ Frar, Mark Gaffarena xtara kwart ieħor tal-propjetà, din id-darba għall-valur ta’ ftit anqas minn €140,000, u xahrejn biss wara, il-Gvern reġa’ espropja kwart ieħor tal-proprjeta’, u reġa’ ħallas lil Gaffarena €822,500.

B’hekk f’anqas minn xahrejn, Mark Gaffarena spiċċa għamel aktar minn €516,000 fi flus kontanti bħala profitt fuq din l-art.