Ambjent Lokali

Front Ħarsien ODZ kontra l-iżvilupp ta’ shooting range biswit Mount St.Joseph

Il-Front Ħarsien ODZ iddikjara li qed joġġezzjona għall-iżvilupp ta’ shooting range fl-inħawi magħrufa bħala ta’ Busbesija, fil-Mosta, minħabba li l-iżvilupp kbir hu barra ż-żona ta’ żvilupp u minħabba l-impatt negattiv fuq id-Dar tal-Irtiri fil-qrib.

Il-front esprima t-tħassib tiegħu dwar rapporti li l-iżviluppaturi jridu jorganizzaw kampjonat tat-Tazza tad-Dinja tal-isparar f’dan il-post waqt li sostnew li dawn l-inħawi għandhom jibqgħu fil-kwiet u ħielsa minn żvilupp li jġib miegħu iktar traffiku u storbju.

Il-front ikkummenta li l-barracks li l-iżviluppaturi dehru lesti li jirrestawrar, huma biss 10% tas-sit propost u li dan se jkun jinkludi shooting ranges ta’ 300 metru, ta’ 25 metru, ta’ 50 metru u faċilitajiet oħra fosthom paintball park.

Fl-istess ħin appella lill-MEPA u lill-Gvern biex fil-politika tiegħu li tirregola shooting ranges, li qed titfassal, jiġi ddikjarat b’mod ċar li l-ebda shooting range m’għandha tiġi proposta qrib skejjel, sptarijiet, djar tal-anzjani u postijiet tal-irtiri.