Il-politika partiġjana fir-Residenza mhux tara biss iżda tħossha u tmissha b’idejk
Ix-Shadow Minister għall-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici kkritikat it-tmexxija f’San Vincenz de Paule fejn il-politika partiġjana mhux tara biss, iżda tħossha u tmissha b’idejk.
Żvelat każi li fihom spikkat l-id tal-Kap Eżekuttiv tar-residenza biex ma jittiħdux passi kontra min kien ilu jokkupa kamra u ċ-ċwievet tagħha qrib il-kamra mortwarja, u lanqas ma ttieħdu passi kontra min ma kienx f’postu waqt il-ħin tax-xogħol. Min-naħa l-oħra, ittieħdu passi kontra tmien ħaddiema oħra li wkoll kienu assenti.
Paula Mifsud Bonnici ġibdet l-attenzjoni tal-Gvern għal dak li qed jiġri f’San Vincenz de Paule fil-Parlament, u saħqet li l-Gvern għandu jieħu azzjoni kontra kull min iwettaq il-ħażin jew ma jsegwix ir-regolamenti u l-proċeduri tax-xogħol.
Ebda passi kontra persuna magħrufa mal-Partit Laburista
Semmiet każ ta’ impjegat li jaħdem bħala general hand, li ilu mis-sena li għaddiet jokkupa kamra ħdejn il-kamra mortwarja u mhux biss, iżda daħħal żewġ televixins, bar-b-q, saqqu biex meta jkun komdu jorqod ukoll, u saħansitra anke washing machine u għodda oħra biex ikun jista’ jaħdem f’din il-binja. Dan l-impjegat baqa’ jokkupa din il-binja mingħajr ma l-awtorità ġibdet l-attenzjoni ta’ xejn.
Dan il-każ inkixef hekk kif periti tal-Gvern li riedu jagħmlu xi spezzjonijiet, ma kellhomx aċċess għal din il-binja. Irriżulta li meta dan l-impjegat ma jkunx xogħol jieħu wkoll iċ-ċwievet miegħu. Kien hawn li saru rapporti li, sfortunatament, minkejja li l-persuna nkarigata rrakkomandat li jinħarġu r-rapporti, hawn ukoll kien hemm l-id tal-Kap Eżekuttiv li ddeċidiet li ma kellhomx jittieħdu passi kontra din il-persuna magħrufa mal-Partit Laburista.
Rapport fuq persuna assenti mix-xogħol u ma jittiħdux passi
Semmiet każ li seħħ fis-26 ta’ April li għadda waqt spezzjoni fuq il-ħaddiema tal-Waste Management wara suspett ta’ persuni li kienu assenti bla awtorizzazzjoni.
Irriżulta minn din l-ispezzjoni, li kien hemm persuna mhux f’postha mingħajr awtorizzazzjoni. Minkejja li sar rapport, il-Kap Eżekuttiv tar-residenza tiddeċiedi li ma tittiħidx azzjoni kontra din il-persuna għaliex hi involuta u attiva fi ħdan il-Parti Laburista u li għandha saħħa biżżejjed biex iġġiegħel lill-Kap Eżekuttiv biex ma tiħux azzjoni fil-konfront tagħha.
Iżda ttieħdu passi kontra tmien persuni li wkoll ma kinux fuq il-post tax-xogħol
Jirriżulta wkoll f’każ ieħor li seħħ fl-istess residenza, li filwaqt li Kap Eżekuttiv għażlet li ma tiħux azzjoni kontra din il-persuna, ħadet azzjoni kontra tmien persuni li wkoll kienu assenti mingħajr awtorizzazzjoni. Irrimarkat li l-management għandu jieħu azzjoni kontra min jiżbalja iżda mhu qatt ġustifikatt li management jagħżel li jieħu azzjoni ta’ dixxiplina biss kontra min irid hu.
Staqsiet fejn qiegħda l-ugwaljanza u saħqet li l-ugwaljanza rridu nużawha dejjem anke meta jkun hemm bżonn ta’ azzjoni għaliex il-persuna tkun naqset. Iżda dan m’għandux jiddependi fuq il-kulur politiku.
Biża’ u inġustizzja
Dawn m’għandhomx jibqgħu jseħħu fid-dipartimenti tal-Gvern u sejħet dan bħala inġustizzja. Dan l-aġir qed iwassal ukoll għal biża’.
Paula Mifsud Bonnici appellat lill-Gvern ikun it-tarka u l-protettur tal-ħaddiema u mhux bil-kontra. Għandu u hu obbligat li juża l-istess riga ma’ kulħadd u min ikun qed jikser ir-regoli u l-proċeduri jittieħdu l-azzjonijiet immedjati u ugwalment kontra kull min ikun qiegħed jikser il-proċeduri.
Ikkundannat l-aġir tal-awtoritajiet li jieħdu azzjoni kontra persuna u mhux kontra oħra minħabba l-kulur politiku tal-individwu.
Tiddgħajjef il-fiduċja fil-konfront tal-awtoritajiet
Ix-Shadow Minister saħqet li hu b’dan il-mod li tiddgħajjef il-fiduċja fil-konfront tal-awtoritajiet u appellat biex dan l-aġir jieqaf illum qabel għada.
Hu għalhekk, fissret Paula Mifsud Bonnici, l-inizjattiva li ħa l-PN bit-twaqqif ta’ unit fi ħdanu biex jipproteġi lil min ikun qed ibati minn inġustizzja u jitkellem f’ismu.
Esperjenzi ta’ diskriminazzjoni politika
Paula Mifsud Bonnici tkellmet dwar ilmenti li qed tirċievi minn ħaddiema tal-Gvern li qed jesperjenzaw diskriminazzjoni politika minħabba li l-Gvern ma jimxix bl-istess mod ma’ kulħadd.
Fissret li għalkemm qed ngħixu f’pajjiż liberu fejn ingawdu l-libertà tal-espressjoni, xorta llum hemm il-biża’ li tista’ taqlagħha fuq rasek għaliex tesprimi opinjoni politika differenti minn dik tal-Gvern tal-ġurnata – il-politika tal-Partit Laburista.
Muscat jikser il-wegħda li “tista’ ma taqbilx magħna iżda tista’ taħdem magħna”
Il-wegħda ta’ dan il-Gvern Laburista li “tista’ ma taqbilx magħna iżda tista’ taħdem magħna”, inkisret hekk kif il-Prim Ministru Muscat tela’ t-taraġ ta’ Kastilja u ħatar lil Mario Cutajar bħala Segretarju Permanenti Prinċipali – kariga li suppost hi okkupata minn persuna indipendenti u m’għandha tkun bl-ebda mod xi difensur tal-Gvern.
Paula Mifsud Bonnici fissret li iżda, il-persuna magħżula minn dan il-gvern illum hi difensur ta’ dan il-Gvern. Fakkret fit-tweġiba li kien ta lill-ġurnalisti Mario Cutajar dwar it-tkeċċija tas-Segretarji Permanenti fil-Ministeri – dik li dan il-Gvern ma setax jaħdem ma’ persuni li ma jaqbilx magħhom. Din ir-risposta, fissret ix-Shadow Minister, twaqqa’ s-slogan tal-Gvern, liema slogan kellu għomru.
Ħaddiema qed jibżgħu jesprimu opinjoni
Semmiet li rċeviet ukoll ilmenti ta’ ħaddiema li twaqqfu jitkellmu jew li għażlu li jibqgħu siekta milli jitkellmu għaliex beżgħu jesprimu opinjoni. Hemm każ ieħor li persuna li sar rapport kontra tagħha għaliex kienet akkużata li kienet qed titkellem fuq il-politka meta fil-fatt kienet qed titkellem f’diskussjoni ma’ ħaddiema oħra. Kienet hi biss li esprimiet opinjoni differenti mill-kollegi l-oħra tax-xogħol.
Kien hemm ukoll ħaddiema oħrajn li kienu trasferiti u oħrajn li ma ġewx kunsidrati għal promozzjonijiet minħabba l-opinjoni politika tagħhom. Paula Mifsud Bonnici fakkret f’dak li ġara taħt dan il-Gvern fil-Pulizija u fl-armata, b’diversi jgawdu minn numru ta’ promozzjonijiet għaliex iħaddnu l-politika tal-Gvern Laburista tal-ġurnata. Kien hemm ukoll oħrajn li kellhom jitilqu l-impjieg fis-settur pubbliku.
Tkellmet ukoll dwar sensiela ta’ inġustizzji fl-Awtorità tad-Djar, b’ħaddiema li minkejja li huma ntitolati għal promozzjonijiet, qed jiġu skartati fil-proċess tal-għażla.
Ħaddiema oħrajn jippretendu li jagħmlu li jridu
Appellat għal gvern sejru li ma jippermettix dawn l-inġustizzji hekk kif semmiet każijiet oħrajn ta’ ħaddiema li jippretendu li jagħmlu li jridu għaliex iħaddnu twemmin politiku bħal tal-Gvern Laburista.