Lokali

Il-gamiema titpoġġa fil-lista tal-għasafar mhedda fl-Ewropa

Il-Gamiema (European Turtle Dove) għadha kemm iddaħħlet fil-lista tal-għasafar mhedda fl-Ewropa. Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat dik li tissejjaħ ‘Red List’ riveduta u poġġiet lill-gamiema f’din il-lista ta’ speċi vulnerabbli u li allura jistgħu jiġu f’xifer l-estinzjoni.

Għall-BirdLife Malta, li llum indirizzat konferenza tal-aħbarijiet dwar dan l-iżvilupp, dan huwa sinjal ċar li l-kaċċa għal dan l-għasfur fir-Rebbiegħa m’għadx hawn postha.

BirdLife Malta qalet li dan ir-rapport maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea jsemmi l-kaċċa bħala theddida serja għall-gamiem fis-selvaġġ, u jiddikjara b’mod ċar li l-kaċċa ta’ dawn l-għasafar fir-Rebbiegħa għandha titrażżan biex jiġi evitat li l-gamiem jinqered għal kollox.

Il-BirdLife qalet li l-Gvern Malti issa huwa marbut bil-liġi li jqis din il-bidla għall-agħar fl-istatus tal-gamiema meta jiġi biex jiddeċiedi fuq il-kaċċa fir-Rebbiegħa s-sena d-dieħla. Dan l-obbligu huwa stipulat fl-istess regolamenti li minħabba fihom sar ir-referendum ta’ April li għadda biex tinqata’ l-kaċċa fir-Rebbiegħa.

Sa ftit ilu, spjegat il-BirdLife, il-gamiema kienet għadha fil-kategorija ‘Least Concern’, imma minħabba li l-popolazzjoni tagħha naqset drastikament fi 80% tal-Ewropa, l-ispeċi issa qed titqies bħala vulnerabbli u li tista’ tiġi f’xifer l-estinzjoni.

Nicholas Barbara, il-Kap tal-Konservazzjoni tal-BirdLife, qal li din ix-xhieda ġdida hija importanti immens. Il-gamiem issa wasal fi stat li jista’ jinqered għal kollox mis-selvaġġ. “Il-Gvern issa għandu l-obbligu legali li jikkunsidra dan meta jiġi biex jiddeċiedi fuq il-futur tal-kaċċa ta’ dawn l-għasafar mhedda fir-Rebbiegħa.”

Id-Direttur Eżekuttiv tal-BirdLife Steve Micklewright qal li minn rekords tal-istudju biċ-ċrieket nafu li l-gamiem li jpassi minn Malta fir-Rebbiegħa jkun sejjer ibejjet fl-Ewropa tal-Lvant, speċjalment fil-Ġermanja, l-Awstrija u l-Polonja, fejn dawn l-għasafar qegħdin fi stat prekarju.

“F’ħafna pajjiżi l-kaċċa tal-gamiem hija pprojbita għal kollox, u Malta baqgħet l-uniku pajjiż li jħalli l-gamiem jiġi kkaċċjat fir-Rebbiegħa. Dan it-tagħrif ġdid ikompli jikkonferma iktar minn qatt qabel li l-kaċċa fir-Rebbiegħa mhix sostenibbli. Hemm bżonn li din tieqaf qabel ma jkun tard wisq” temm jgħid l-uffiċjal ta’ BirdLife Malta.