Il-Grupp Universitarji Għawdxin esprima ruħu kontra bdil fir-rotta X1 tat-trasport pubbliku, biex din tinkludi wkoll lil San Pawl il-Baħar, għax qal li din il-lokalità hi magħrufa għall-fatt li l-karozzi tal-linja jeħlu meta jgħaddu minnha u b’hekk jitwal il-vjaġġ tal-istudenti Għawdxin lejn l-Università ta’ Malta, jew ħaddiema Għawdxin lejn l-Isptar Mater Dei jew lejn l-ajruport.
Il-GUG kien qed jirreaġixxi għal Mistoqsija Parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Ċensu Galea lill-Ministru tal-Infrastruttura u t-Trasport Joe Mizzi, biex il-Gvern jikkunsidra li r-rotta X1 tibda tgħaddi u tieqaf miċ-ċentru ta’ San Pawl il-Baħar.
Il-GUG ħeġġeġ lill-Ministru Mizzi u lil Ċensu Galea biex ma jimbuttawx għal deċiżjonijiet li jkunu ta’ detriment għall-istudenti, ħaddiema jew residenti Għawdxin. Insista fuq l-importanza ta’ rotta tal-linja express matul il-ġurnata lejn l-Università u Mater Dei, u ħeġġeġ il-ħolqien ta’ rotta express li tinkludi l-Belt Valletta.
Il-GUG fakkar li l-Għawdxin diġà jridu jitilqu minn Għawdex sagħtejn qabel jekk iridu jkunu f’Malta f’ħin speċifiku u għalhekk ma jistax jifhem kif wieħed jista’ jikkunsidra li jtawwal il-ħin tar-rotta taċ-Ċirkewwa.
//= $special ?>