Lokali

Il-Gvern ma jeskludix li l-kumpaniji tal-konkos difettuż f’Mater Dei jkunu involuti fit-tiswijiet

Is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne ma eskludiex li l-kumpaniji lokali li pprovdew konkos difettuż għall-Isptar Mater Dei jkunu jistgħu jitfgħu l-offerti ħalli jkunu huma li jipprovdu l-konkos għat-tiswijiet li l-Gvern se jkun qed jagħmel fl-Isptar.

Dan is-suġġett tqanqal waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-Isptar Mater Dei, li matulha s-Segretarju Parlamentari qal li l-Gvern se jkun qed jieħu l-parir biex jara x’pożizzjoni jieħu dwar il-kumpaniji li ssemmew fl-Inkjesta tal-eks Imħallef Philip Sciberras u li kienu indikati bħala dawk li pprovdew il-konkos difettuż għall-Isptar Mater Dei.

Chris Fearne tratta wkoll il-perjodi li fihom il-Gvern se jkun qed jagħmel ix-xogħlijiet, fejn qal li skont il-pjan ippreparat mill-kumpanija Arup, ix-xogħlijiet fid-Dipartiment tal-Emerġenza se jibda s-sena d-dieħla u se jiwa €5 miljun. Ix-xogħlijiet l-oħrajn fi Blokk D se jiswew madwar €35 miljun.

Is-Segretarju Parlamentari sostna li l-Gvern qed jikkunsidra li jieħu passi kontra kulmin kien inovlut li pprovda konkos difettuż u għalhekk għadda r-rapport lill-Avukat Ġenerali għall-parir tiegħu.