Lokali Parlament

Il-Kamra sospiża minħabba l-aġir għal darb’oħra tal-Ministru Konrad Mizzi

L-Ispeaker iwissi li l-Parlament mhux il-monti tal-Belt

Il-Kamra tad-Deputati kienet sospiża għal ftit minuti wara kummenti u insulti li għadda l-Ministru Konrad Mizzi fil-konfront tal-Kap tal-Oppożizzjoni waqt il-ħin tal-mistoqsijiet u li dwarhom l-Oppożizzjoni oġġezzjonat mas-Sedja biex ma jitħallewx jgħaddu dawn it-tip ta’ rimarki bil-Prim Ministru ma jintervjeniex u jwaqqaf lill-Ministru Mizzi.

Dan l-aġir seħħ wara li l-ġimgħa l-oħra l-istess Ministru Konrad Mizzi infexx f’attakk isteriku wkoll kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni wara li staqsa mistoqsija sempliċi lill-Ministru biex jgħid x’inhu r-rwol tal-Avukat Alex Sciberras fil-Bord tal-Inkjesta mmexxija minn missieru, l-eks-Imħallef Philip Sciberras.

Il-Kamra ġet sospiża fil-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari fil-bidu tas-seduta tal-lejla mill-President tal-Kamra Anġlu Farrugia wara kaos li qajjem fil-Kamra l-aġir tal-Ministru Konrad Mizzi. Dak il-ħin, l-Oppożizzjoni kienet qed tistaqsi diversi mistoqsijiet lill-Ministru għal Għawdex Anton Refalo dwar rapporti fil-media ta’ allegazzjonijiet ta’ xogħlijiet fil-privat f’dawn l-aħħar sentejn minn wara l-elezzjoni tal-2013 u li saru u tħallsu mill-Ministeru għal Għawdex.

Il-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Oppożizzjoni, id-Deputat Nazzjonalista Davd Agius, talab lis-Sedja biex tintervjeni quddiem dan l-aġir tal-Ministru u rrimarka jekk il-Prim Ministru li kien preżenti fil-Kamra, jaċċettax din l-imġiba.

Wara li l-Ispeaker reġa’ daħal fil-Kamra wara li ssospenda għal ftit minuti, il-President tal-Kamra rrimarka li dan mhux il-mod kif nikkomportaw ruħna fil-Parlament u għandna nagħtu eżempju lil min ikun qed isegwi b’mod viżiv ix-xandiriet tas-seduti parlamentari
Id-Deputat Nazzjonalista David Agius qal li jekk jgħaddu kummenti ta’ insulti lejn il-Kap tal-Oppożizzjoni s-sedja gġandha tintervjeni, twaqqaf u tieħu l-azzjonijiet neċessarji. Spjega li l-membri parlamentari jridu jagħtu eżempju bil-karattru u bil-komportament tagħhom.

Speaker wieġeb li l-komportament tajjeb irid jiġi minn kull individwu u meta l-affarijiet jeskalaw ikollu jissospendi filwaqt li wissa li l-Parlament mhux is-suq tal-Belt.

Il-Whip tal-Gvern id-Deputat Laburista Godfrey Farruga rrimarka li hu ta’ bżonn li l-Kamra timxi b’mod aktar serju f’affarijiet sensittivi u dan għandu jiġi osservat mill-membri taż-żewġ naġat tal-Kamra.