Ma jweġibx dwar min qed jgħid il-verità, jekk hux hu fil-Parlament jew l-istqarrijiet tal-Ministeru li jiġġustifikaw li saru xogħlijiet
Il-Ministru Anton Refalo ddefenda xogħlijiet li saru fl-aħħar sentejn minn wara l-elezzjoni tal-2013 u li rapporti fil-media allegaw li tħallsu mill-Ministeru għal Għawdex – l-aktar b’rabta ma’ xogħlijiet fuq pjattaforma quddiem ristorant f’Marsalforn u xogħlijiet oħrajn f’diversi lokalitajiet f’Għawdex.
Fil-Parlament illejla, il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-PN, Beppe Fenech Adami, talab lill-Ministru Refalo jwieġeb għal rapporti li dehru fil-media b’rabta ma’ allegazzjonijiet ta’ xogħlijiet li saru fi proprjetajiet privati mill-Ministeru, u elenka lista twila ta’ xogħlijiet li saru f’Marsalforn, fl-Għasri, f’Kerċem, f’Għajnsielem, f’Ta’ Sannat, fil-Munxar u f’San Lawrenz fost l-oħrajn. Dawn ix-xogħlijiet kienu marbuta ma’ garaxxijiet, djar privati, ristorant u f’postijiet oħrajn fir-raba’.
Il-Ministru Refalo ma jilqax l-isfida tal-Oppożizzjoni li jieħu l-ħin kollu tal-mistoqsijiet parlamenti biex iwieġeb
Għal din il-lista ta’ xogħlijiet filwaqt li fl-ewwel reazzjoni tiegħu l-Ministru Refalo ddikjara li lest iwieġeb u jieħu l-ħin kollu tal-mistoqsijiet parlamentari – il-ħin kollu ta’ nofsiegħa – biex iwieġeb għal kull każ imsemmi, l-istess Ministru Refalo qal li mhux se jieħu u jaħli l-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari.
Għar-reazzjoni ta’ Beppe Fenech Adami li lest jagħti l-ħin kollu lill-Ministru għal Għawdex biex iwieġeb għal dawn ir-rapporti u l-allegazzjonijiet, il-Ministru Refalo wieġeb li kien ħa aġġornament il-ġimgħa li għaddiet biex tkellem dwar dawn ir-rapporti u li qal li ma laħaqx spjega kollox. Anton Refalo qal li kien se jieħu aġġornament ieħor biex ikompli jispjega – ħin tal-aġġornament li matulu ma jistax ikun hemm dibattitu jew mistoqsijiet lil min ikun qiegħed jitkellem fl-aħħar nofs siegħa tas-seduta parlamentari.
Beppa Fenech Adami rrimarka li l-Ministru Refalo għadu ma ta ebda spjegazzjoni u għandu jwieġeb għal dawn l-allegazzjonijiet, waqt li talbu jispjega b’mod speċifiku fuq ix-xogħlijiet li saru fuq pjattaforma quddiem ristorant f’Marsalforn.
Il-Ministru Refalo irreaġixxi billi tkaża dwar dawn it-tip ta’ mistoqsijiet li qed tressaq fil-Parlament l-Oppożizzjoni, li skont hu, huma bla skop ta’ xejn u biex jippruvaw iċappsu.
Stqarrijiet tal-Ministeru jiġġustifikaw xogħlijiet li saru fil-privat
Għal din it-tweġiba, ix-Shadow Minister għal Għawdex, Chris Said, staqsa lill-Ministru Refalo jistax b’mod kategoriku jiddikjara iva jew le dwar jekk f’dawn is-sentejn li għadddew, il-Ministeru m’għamel ebda xogħol fil-privat, ta’ kull tip, f’Għawdex.
It-tweġiba tal-Ministru Refalo kienet li m’għamel ebda xogħol fil-privat u dejjem mexa korrettament, u talab ukoll lil kull min għandu xi rapporti biex imur għand il-Pulizija.
Immedjatament kienet ir-rimarka ta’ Chris Said biex jerġa’ jgħid b’mod kategoriku jekk sarx xogħol fil-privat f’dawn is-sentejn meta hemm l-ammissjoni ta’ numru ta’ stqarrijiet li fihom il-Ministeru jammetti li sar xogħol fil-privat.
Il-Ministru Refalo mitlub jgħid min qed jgħid il-verità
Ix-Shadow Minister għal Għawdex saħaq li l-istqarrijiet li saru mill-Ministeru għal Għawdex jiġġustifikaw ix-xogħlijiet. Staqsa min qed jgħid il-verità, il-Ministru Refalo fil-Parlament jew l-istqarrijiet tal-Ministeru li jiġġustifikaw li saru xogħlijiet.
Għal din il-mistoqsja ċara, il-Ministru Refalo wieġeb li hu m’għamel xejn fil-privat għal skopijiet ta’ voti u għamel xogħol fl-interess pubbliku.
Insulti mill-Minsitru Konrad Mizzi u l-Kamra tiġi sospiża
Kien propju f’dan il-mument li bdew jingħaddu diversi kummenti, rimarki u nsulti mill-Ministru Konrad Mizzi li sabu l-appoġġ ukoll tal-membri tal-Gvern, fil-preżenza wkoll tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Beppe Fenech Adami reġa’ staqsa lill-Ministru Refalo jwieġeb dwar xogħlijiet li saru f’Marsalforn fuq pjattaforma bil-konkos barra ristorant, u li din saret mill-Ministeru għal Għawdex u mħallsa mill-Ministeru għal Għawdex. Staqsa wkoll lill-Ministru Refalo jikkonfermax xogħlijiet li saru f’Xatt l-Aħmar fejn saret kamra u ħitan fi prorpjetà privata. Dwar din l-istorja ma kien hemm ebda ċaħda. Beppe Fenench Adami talab lill-Ministru Refalo wkoll jgħid min hu s-sid tal-għalqa, jekk hux viċin tiegħu, u jekk biex saru dawn ix-xogħlijiet intużax matejral u flus mill-Ministeru.
Anton Refalo qal li fuq il-pjattaforma ta’ Marsalforn ma sar xejn fil-privat iżda x-xogħol sar max-xatt bil-permessi kollha fiz-zona fejn is-sidien tar-ristoranti joħorġu l-imwejjed u s-siġġijiet, bħalma qal li sar ukoll fix-Xlendi.
Dwar il-każ l-ieħor, il-Ministru Refalo qal li x-xogħlijiet saru għal sid ta’ raba’ u li kienu marbuta ma’ tappiera fejn kien joħroġ id-drenaġġ u jidħol fir-raba’ tiegħu. Dwar dawn il-ħsarat, il-Ministru Refalo qal li l-Gvern kien iħallas kumpens lis-sid għall-ħsara li kienet issir. Il-Ministeru bena wkoll ħajt tas-sejjieħ.
//= $special ?>