Il-Partit Nazzjonalista qed juri sinjali qawwija ta’ riġenerazzjoni mir-riżultat elettorali tal-2013. Il-Partit issa jinsab preżenti fuq kull kwistjoni u qed jirreaġixxi b’mod immedjat u b’reazzjonijiet maħsuba għad-deċiżjonijiet dubjużi u ħżiena li qed jieħu l-Gvern. Din hi l-opinjoni tal-Editorjal ta’ The Times of Malta, li ddikjara li r-riżultat tal-aħħar elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali hu inkoraġġanti u nissel entusjażmu ġdid fil-Partit, kif ukoll fiduċja fil-mexxejja tal-Partit, anke jekk it-triq hi għat-telgħa.
Il-ġurnal The Times isostni li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qiegħed dejjem iżid fl-istatura politika tiegħu u d-deċiżjonijiet li qed jieħu internament fil-Partit qed iħallu riżultati pożittivi. Fost dawn, The Times isemmi d-deċiżjoni li Chris Said ma jerġax jikkontesta l-elezzjoni għal Segretarju Ġenerali biex jiffoka fuq Għawdex. Pass ieħor fid-direzzjoni t-tajba, isostni l-Editorjal ta’ The Times, kienet il-ħatra ta’ Segretarju Ġenerali ġdid.
Din il-pożizzjoni hi importanti f’kull partit, bil-PN se jkun qed isaħħaħ il-kariga, kuntrarjament għal dak li għamel il-Partit Laburista, li abolixxa u neħħa din il-kariga vitali fl-istrutturi ta’ partit. The Times jirrikonoxxi dan u jsostni li, minkejja l-ħatra ta’ Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit u Kap Eżekkutiv b’responsabbiltà lejn il-kumpaniji tal-Partit, ir-rwol ta’ Segretarju Ġenerali jibqa’ dejjem wieħed importanti ħafna.
The Times tkellem ukoll dwar il-Mexxej Laburista Joseph Muscat u sostna li dan mhux qed iwettaq il-wegħdi li għamel ta’ tmexxija tajba, tant li l-Gvern tiegħu qed itellef mill-fiduċja tal-poplu fil-politika kawża tal-ħafna żbalji u każi li tellfu l-kredibbiltà tan-nies fil-Gvern Laburista.
L-Editorjal kompla billi elenka l-isfidi li għandu quddiemu l-Partit Nazzjonalista, fosthom li jieħu pożizzjonijiet ċari, anke jekk jista’ ma jkunx daqstant popolari mal-partitarji. Sostna li bi Gvern Laburista inklinat li jbigħ kull parti ta’ Malta għall-flus, l-Ambjent jista’ jkun iċ-ċentru li fuqu l-Partit Nazzjonalista jibni appoġġ ġdid.
//= $special ?>
