Illejla l-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista mistenni jeleġġi Segretarju Ġenerali ġdid wara li Chris Said ħalla l-post wara talba tal-Kap tal-Partit Simon Busuttil biex jiffoka aktar fuq Għawdex.
Wara l-elezzjonijiet interni li saru fl-ewwel sessjoni tal-Kunsill Ġenerali ġimgħatejn ilu, illejla ssir l-ewwel laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv il-ġdid. Minbarra s-Segretarju Ġenerali, matul din l-ewwel laqgħa jiġu eletti ħames Uffiċjali oħra … il-President tal-Kunsill Amministrattiv, il-President tal-Kumitat Eżekuttiv, it-Teżorier, is-Segretarju Internazzjonali u l-Assistent Segretarju Ġenerali.
Għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali ntefgħet in-nomina ta’ Rosette Thake, għall-kariga ta’ President tal-Kunsill Amministrattiv intefgħet in-nomina ta’ Karol Aquilina, għall-kariga ta’ President tal-Kumitat Eżekuttiv intefgħet in-nomina ta’ Ann Fenech.
Għall-kariga ta’ Teżorier intefgħet in-nomina ta’ Alex Perici Calascione, għall-kariga ta’ Segretarju Internazzjonali ntefgħet in-nomina ta’ Trevor Degiorgio u għall-kariga ta’ Assistent Segretarju Ġenerali ntefgħet in-nomina ta’ Jean Pierre Debono.
Il-membri kollha tal-Kumitat Eżekuttiv, magħmul minn rappreżentanti tal-Grupp Parlamentari, tal-Kumitati Distrettwali, tal-Fergħat u tal-Fora tal-Partit, kif ukoll it-18-il persuna eletta ġimgħatejn ilu fil-Kunsill Ġenerali, huma eliġibbli jivvutaw għall-elezzjonijiet tal-lejla. Eliġibbli wkoll l-eks Kapijiet u Viċi Kapijiet tal-Partit.
Sadanittant, il-programm Iswed fuq l-Abjad, fuq NET Television, se jkun qed isegwi dawn l-elezzjonijiet f’edizzjoni speċjali tal-programm, li jibda fid-8.40pm. LIVE mill-istudios ta’ NET Television, il-preżentatur Frank Psaila se jieħu l-ewwel kummenti u reazzjonijiet.
Imbagħad, il-mistieden fit-tieni parti tal-programm se jkun il-President tal-Malta Football Association Norman Darmanin Demajo dwar ir-riżenja ta’ Sepp Blatter minn President tal-FIFA u l-aħħar żviluppi, kif ukoll dwar l-istat tal-futbol Malti.
//= $special ?>
