Lokali Parlament

Impenn politiku biex persuni b’diżabbiltà jsibuha aktar faċli jsibu impjieg

L-emendi mill-Gvern imressqa waħedhom mhumiex is-soluzzjoni għall-problemi ta’ persuni b’diżabbiltà li qed ifittxu xogħol

Quddiem l-emendi li l-Gvern qiegħed iressaq biex tiġi infurzata l-liġi biex min iħadddem jimpjega persuni b’diżabbiltà, ix-Shadow Minister għall-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici staqsiet u rrimarkat jekk irridux lil min iħaddem li jiġi biss mmultat jekk ma josservax il-liġi, jew persuni b’diżabbiltà li jsibuha aktar faċli biex isibu impjieg billi jissaħħu l-istrutturi, l-għodod u l-inizjattivi meħtieġa biex ikun hawn aktar opportunitajiet ta’ xogħol għal persuni b’diżabbiltà.

Fid-dibattitu fil-Parlament dwar l-emendi li qiegħed iressaq il-Gvern għal-Liġi dwar l-Impjiegi għal Persuni b’Diżabbiltà, Paula Mifsud Bonnici qalet li dan hu qasam ieħor li joffri diversi sfidi, bl-akbar sfida hi dik li l-persuna b’diżabbiltà tkun kapaċi taħdem u tingħata d-dritt biex tipparteċipa b’mod sħiħ fid-dinja tax-xogħol.

Fissret li hu nutli li l-Gvern joffri edukazzjoni sħiħa lill-persuni b’diżabbiltà iżda ma tingħatax l-opportunità li taħdem u tilħaq il-milja tagħha fis-soċjetà.

Minn ċensiment li sar fl-2011, jirriżulta li hemm 30,000 persuna b’diżabbiltà, b’20,000 minnhom bl-età li jaħdmu, iżda huma biss 2,000 f’impjieg bi qligħ. Paula Mifsud Bonnici fissret li din hi rata baxxa ħafna għall-pajjiżna.

Multi għal min ma josservax il-liġi dwar l-impjiegi ta’ persuni b’diżabbiltà
Tkellmet dwar l-isfidi f’dan is-settur li huma ħafna kbar. Dan hu rifless fl-emendi li qed iressaq il-Gvern fil-Parlament li qed jintroduċu penali fuq min jonqos li josserva l-kwota. F’każ li min iħaddem ma jħarisx il-kwota ta’ persuni b’diżabbiltà li hu obbligat li jimpjega, irid iħallas kontribuzzjoni annwali ta’ €2,400 għal kull persuna li suppost timpjega, sa massimu sa €10,000.
Paula Mifsud Bonnici fissret l-importanza li s-soċjetà tifhem li dawn il-persuni għandhom kontribut x’jagħtu anke mil-lat ekonomiku għal pajjiżna.

Bżonn li ndaħħlu aktar il-kunċett ta’ koperattiva soċjali
Semmiet diversi inizjattivi li ttieħdu fis-snin li għaddew u l-programmi ta’ taħriġ li saru bis-saħħa ta’ diversi skemi u proġetti finanzjati wkoll minn fondi Ewropej kif ukoll oħrajn immexxija mill-ETC. Appellat li l-pass li jmiss hu li f’pajjiżna ndaħħlu aktar il-kunċett ta’ koperattiva soċjali li jagħti spazju u opportunitajiet għal perċentwal qawwi ta’ nies vulnerabbli li jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Semmiet li pajjiżna wkoll għandu jħares lejn l-esperjenza ta’ pajjiżi oħrajn u naddattaw għas-sitwazzjoni f’pajjiżna.

Tkellmet ukoll fuq l-importanza li nassiguraw li l-vera missjoni li għandha l-ETC jħalli wkoll ir-riżultati fit-taħriġ u l-impjiegi ta’ persuni b’diżabbiltà. Fakkret li l-ETC għandha l-obbligu li tagħti sehem effettiv lejn l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna, u staqsiet jekk nistgħux ngħidu li l-ETC rnexxielha tilħaq dan il-għan.

Semmiet ukoll il-funzjoni importanti li għandu r-reġistru tal-ETC dwar il-persuni b’diżabbiltà, u staqsiet jekk ir-reġistru hux jitħaddem bl-aħjar mod. Staqsiet ukoll kemm l-ETC qed jirnexxielha twassal lill-persuna b’diżabbiltà għall-impjieg skont il-ħiliet tagħha. Irriferiet għall-intervisti li jsiru fuq il-persuni li huma fuq ir-reġistru tal-persuni b’diżabbiltà u jekk dawn l-intervisti hux qed iwasslu għal riżultati biex l-employment advisor jasal biex joffri impjieg lill-persuna b’diżabbiltà.

Ix-Shadow Minister staqsiet jekk l-employment advisors għandhomx il-ħiliet u l-għodda biex jidentifikaw il-bżonn ta’ taħariġ lill-persuna b’diżabbiltà biex tfittex l-impjieg addatt. Jirriżulta mir-rekords tal-ETC, li l-medja ta’ żmien għal persuna b’diżabbiltà sakemm tiġi impjegata, hi ħafna aktar għolja, ta’ 444 jum. Fissret li din il-medja hi ferm ogħla meta mqabbla mal-medja tal-persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol li hi ta’ 152 jum. Dan ifisser li s-sistema mhix effiċjenti u mhix effettiva.

Kwart biss isibu impjieg wara li jattendu korsijiet mill-ETC
Temmen li l-effiċjenza u l-effettività tal-ETC huma mfixkla għaliex m’għandhiex il-faċilitajiet meħtieġa biex tgħin lill-persuni jsibu impjieg għall-ħiliet tagħhom. Huma biss kwart li jsibu impjiegi wara li jsiru korsijiet għall-persuni b’diżabbiltà mill-ETC.
Semmiet ukoll gruppi ta’ nies bi problemi partikulari li jsibuha ħafna diffiċli biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol – bħalma huma dawk li jbatu bl-epilessija.

Fissret li r-realtà hi li min iħaddem jibża’ minn diversi fatturi biex jimpjega persuni b’din il-kundizzjoni. Semmiet każ ta’ persuna b’din il-kundizzjoni li ntagħżlet għal impjieg li iżda sabet il-bibien magħluqa għaliex min kien se jimpjegaha beża’ minn din il-kundizzjoni mingħajr ma tqiesu l-kapaċitajiet ta’ din il-persuna. Sejħet dan bħala inġustizzja. Irrimarkat ukoll li min iħaddem ma jkollhomx għarfien biex jgħinu u jegħlbu dawn l-isfidi u appellat lill-Gvern jgħin lil min iħaddem persuni b’kundizzjonijiet partikulari.

Paula Mifsud Bonnici ddikjarat li l-Oppożizzjoni qed taqbel mal-emendi mressqa mill-Gvern, iżda sostniet li dawn l-emendi mressqa waħedhom mhumiex is-soluzzjoni tal-problema fir-rata ta’ persuni b’diżabbiltà li qed ifittxu xogħol. Saħqet li kulħadd jaqbel li aktar persuni għandhom jidħlu fid-dinja tax-xogħol u esprimiet il-biża’ li azjendi kbar jippreferu jħallsu l-kontribuzzjoni milli jkun hemm l-impenn ta’ impjieg ta’ persuni b’diżabbiltà.

Appell għal aktar skemi u inizjattivi
Appellat lill-Gvern ikun ta’ eżempju u jassigura li anke l-Gvern iħaddem persuni b’diżabbiltà u jilħaq mal-kwota.
Sejħet għal aktar titjib fl-istrutturi tal-ETC biex intejbu l-prospettivi ta’ impjiegi għall-persuni b’diżabbiltà u għal aktar taħriġ lill-impjegati tal-ETC biex ikunu tal-aqwa servizz lill-persuni b’diżabbiltà biex dawn jiżdidulhom il-ħiliet biex jgħinuhom ifittxu xogħol.
Tkellem ukoll favur aktar kampanji edukattivi; aktar għajnuniet fuq il-postijiet tax-xogħol b’sistema b’saġġitha ta’ job coaching; aktar skemi mal-Kunsilli Lokali biex jinħolqu aktar opportunitajiet ta’ xogħol għal persuni b’diżabbiltà; u skemi innovattivi bħalma huma sussidji għal min jaġġusta l-ambjent tax-xogħol għall-persuni b’diżabbiltà f’impjieg.