Minkejja li ħafna jiksbu l-livelli edukattivi mixtieqa, il-persuni b’diżabbiltà jiltaqgħu ma’ ħafna diffikultajiet hekk kif jersqu biex jagħmlu l-qabża għax-xogħol
Id-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri appella lill-Gvern ikun ta’ eżempju u jagħti aktar inċentiivi biex isaħħaħ il-kunċett ta’ impjieg lill-persuni b’diżabbiltà. L-eżempju tal-Gvern għandu jagħmel kuraġġ lis-settur privat biex kulħadd iħares b’mod sensittiv lejn il-qasam tal-impjiegi għall-persuni b’diżabbiltà.
Attenzjoni massima mill-politiċi
Fid-diskussjoni fil-Parlament dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar l-impjiegi għall-persuni b’diżabbiltà, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Housing u l-Ġlieda Kontra l-Faqar qal li dan hu settur li ra avvanzi kbar fl-aħħar snin għalkemm fisser li qatt mhu biżżejjed f’settur sensittiv li jrid jingħata l-attenzjoni massima mill-politiċi.
Semma li bħalma niftaħru bħala pajjiż li aħna minn ta’ quddiem fl-edukazzjoni inklussiva u għal dak li noffru bir-rwol importanti tal-LSA’s, irridu nadmu aktar biex il-persuni b’diżabbiltà jirnexxu wkoll u jiksbu d-dinjità tax-xogħol.
Tkellem dwar ir-rwol importanti tal-ETC li hi involuta fit-taħriġ ta’ persuni li jersqu lejn din l-awtorità biex jidħlu fi programmi ta’ taħriġ biex jiksbu aktar kisbiet u kwalitajiet biex ikunu jistgħu jiksbu suċċess fid-dinja tax-xogħol.
Dwar is-settur tad-diżabbiltà, Stephen Spiteri qal li xi drabi l-persuni b’diżabbiltà jkunu telgħu l-iskali kollha u kisbu l-livelli edukattivi mixtieqa, iżda malli jkun hemm il-qabża għax-xogħol jiltaqgħu ma’ ħafna diffikultajiet. Dan jixhduh ukoll il-famliji tal-persuni b’diżabbiltà u saħaq u appella għal aktar inċentivi lil min iħaddem biex ikunu aktar idejhom miftuħa biex jimpjegaw individwi b’diżabbiltà jew b’kundizzjonijiet oħrajn. Appella għal inċentivi bħalma huma tax credit u job coaching biex persuni b’diżabbiltà jsibu impjieg b’aktar faċilità.
Tkellem ukoll dwar il-kwalità ta’ xogħol u l-importanza li x-xogħol ikun addattat għall-individwu b’diżabbiltà, u l-ambjent ikun addattat biżżejjed biex il-persuna tkun produttiva, kuntenta u tgawdi wkoll il-prinċipju ta’ work pays.
Inħarsu wkoll lejn il-kwalità u l-ambjent tax-xogħol għall-persuni b’diżabbiltà
Għalkemm qed ngħidu li qed naraw aktar persuni b’diżabbiltà jidħlu fid-dinja tax-xogħol, u li qed ninċentivaw aktar biex insaħħu l-kwota ta’ 2% ta’ impjiegi lil persuni b’diżabbiltà għal dawk li jimpjegaw aktar minn 20 persuna, irridu nħarsu wkoll lejn il-kwalità u l-ambjent tax-xogħol għal dawn il-persuni.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li jeħtieġ ukoll li nsaħħu l-element ta’ kemm persuna b’diżabbiltà tkun tista’ taħdem għal dawk l-individwi li l-pensjoni tad-diżabbiltà mhix introjtu biżżejjed biex jgħixu ħajja b’saħħitha. Elenka wkoll id-differenza li tagħmel fil-kwalità tal-ħajja għal dawk l-individwi li jagħmlu l-qabża fil-kwalità u jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Semma li dawn il-persuni ma jibqgħux jiddependu fuq is-servizzi soċjali biss, iżda jkunu kapaċi jżidu l-paga mal-pakkett finanzjarju tagħhom.
Pensjoni aktar adegwata lill-persuni b’diżabbiltà li ma jistgħux jaħdmu
Irrimarka li mhux ġust li l-persuni b’diżabbiltà li ma jkunux kapaċi jaħdmu, jibqgħu bil-pensjoni li jirċievu llum u li mhix adegwata għall-aħjar kwalità tal-ħajja ta’ dawn l-individwi. Stephen Spiteri fisser li nuqqas ta’ pensjoni adegwata jista’ jwassal għal inċidenza akbar ta’ faqar. Jekk irridu niġġieldu l-faqar, irridu nkomplu nsaħħu s-sitwazzjoni u l-qafas tas-servizzi soċjali li jgħinu lill-persuni b’diżabbiltà jgħixu aktar faċli biex dawn il-persuni jitilgħu t-tarġa li twassalhom għal impjieg b’dinjità.
Saħaq fuq l-importanza li l-għajnuna li tingħata waqt l-edukazzjoni, tibqa’ tingħata fl-istadju tat-taħriġ u b’sessjonijiet ta’ job coaching biex dawn il-persuni jiġu megħjuna aħjar biex jintegraw lejn id-dinja tax-xogħol. Din tista’ tressaq aktar għall-ugwaljanza fis-soċjetà. Appella lill-Gvern iħajjar aktar lis-settur privat biex jindirizza u jagħraf aħjar dawn l-abbilitajiet.
“Irridu ngħinu biex persuni b’diffikultajiet ikunu identifikati kmieni biex id-diffikultajiet jiġu trattati wkoll kmieni biex aktar ‘il quddiem ikunu integrati aħjar għad-dinja tax-xogħol”, saħaq Stephen Spiteri.
“Irridu nagħtu lil dawn il-persuni l-aċċessibbiltà u l-inklużjoni biex nagħmlu l-ħajja ta’ dawn l-individwi aktar komdu u jingħataw l-esperjenza wkoll tal-ħajja, u l-parteċipazzjoni biex nagħtu ċans lil dawn l-individwi jkunu aktar parteċepi f’dak li hu taħriġ. Dan jista’ jsir b’aktar programmi u fondi Ewropej biex persuni b’diżabbiltà jiksbu aktar ħiliet u kapaċitajiet”, tenna l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Housing u l-Ġlieda Kontra l-Faqar.
Ix-xogħol ukoll hu t-triq tas-suċċess għall-persuni b’diżabbiltà
Spjega wkoll li meta wieħed jgħin persuna b’diffikultà biex tagħmel il-qabża tant importanti għax-xogħol, il-persuna ssib it-triq tas-suċċess, u tkun aktar inċentivata biex turi l-abbiltà tagħha hekk kif tkun ukoll qed tagħti kontribuzzjoni importanti lis-soċjetà u lill-ekonomija.