L-MUMN, il-union tal-infermiera u l-qwiebel, ikkundannat lil dawk responsabbli għall-kwalità baxxa ta’ konkos fl-isptar Mater Dei u waqt li sostniet li l-membri tagħha issa jridu jaħdmu taħt iktar pressjoni minħabba xogħlijiet li għaddejjin fid-Dipartiment tal-Emerġenza, kien ikun ferm aħjar kieku l-flus li marru biex jixxaħħmu l-bwiet ta’ xi wħud, intużaw f’riżorsi umani.
Enfasizzat li ma riditx tidħol f’kontroversja politika imma sostniet li l-membri tagħha, minbarra l-pressjoni kbira ta’ pazjenti dejjem jiżdiedu fid-Dipartiment tal-Emerġenza, issa qed jiffaċċjaw kundizzjonijiet tax-xogħol mhux sbieħ minħabba xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li għaddejjin fid-dipartiment biex l-istruttura tissaħħaħ. Semmiet kif anke l-infermiera u l-qwiebel ta’ Blokk D se jgħaddu mill-istess pressjoni żejda minħabba li se jibdew xogħlijiet hemmhekk ukoll.
Ikkundannat l-irresponsabiltà ta’ dawk li xogħlhom kien li jaraw li l-konkos użat kien ta’ livell għoli u li l-poplu Malti ħallas għalih. Iddeskriviet bħala inaċċettabbli l-fatt li numru ta’ persuni xaħħmu buthom minn fuq il-poplu Malti u daqstant nies issa se jkollhom jgħaddu minn sagrifiċċji żejda u kapriċċjużi minħabba xogħol ta’ rinfurzar tal-bini.
Il-union ikkummentat li l-flus li se jintefqu biex jissaħħaħ il-bini setgħu jintefqu fuq support staff u l-infermiera li l-pajjiż tant jeħtieġ biex il-pazjenti jingħataw kura aħjar, kemm mil-lat edukattiv u anke bħala titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Fl-istess ħin, l-MUMN ħeġġet lill-Gvern biex ikompli għaddej bl-isforzi tiegħu biex jirkupra l-miljuni ta’ ewro meħtieġa u rringrazzjat lill-membri tagħha li qed ikomplu jagħmlu l-aħjar li jistgħu biex joffru servizz ta’ kwalità lill-pazjenti minkejja l-kundizzjonijiet li jinsabu fihom.
//= $special ?>
