Futbol Sport

MILL-PARLAMENT EWROPEW: Malta imsemmija f’rapport dwar il-match-fixing

Wara l-allegazzjonijiet mill-investigazzjoni ‘Dirty Soccer’ fl-Italja, issa isem Malta jissemma anke f’rapport preżentat fil-Parlament Ewropew.

Ir-rapport annwali minn Federbet – assoċjazzjoni li taħdem fost l-oħrajn kontra l-manipulazzjoni tal-logħob tal-futbol – jidentifika aktar minn 50 partita futbol, inkluż logħob ta’ ħbiberija f’Malta u Ċipru. L-istess rapport jgħid ukoll li kull ġimgħa “betting houses Ewropej jneħħu en bloc diversi partiti mill-Albanija, Ċipru, Malta, il-Montenegro, l-Indoneżja, il-Bulgarija u anke l-Kanada”.

Minn din is-sena Federbet użat metodu ġdid għat-tfassil tar-rapport tagħha, fejn iffukat biss fuq kampjonati partikolari. Għalhekk, dwar Malta ma jissemmew l-ebda partiti speċifiċi li huma indikati bħala partiti manipulati.

AKKUŻI SERJISSIMI

Sinifikanti l-fatt li r-rapport isemmi erba’ partiti ta’ Catania li fuqhom hemm xamma ta’ match-fixing. L-aħħar każ ikun dak tal-logħba fis-16 ta’ Mejju li għadda bejn Catania u Cittadella. Din kienet logħba mill-kampjonat tas-Serie B.

Ir-rapport jirreferi anke għal numru ta’ partiti fl-Italja mill-kampjonat tal-LegaPro.

Waqt li preżenta dan ir-rapport, is-Segretarju tal-Federbet Francesco Baranca sostna li għandhom anke provi kontra t-tim Taljan ta’ Lazio. Dan jista’ jwassal biex, skont ir-regolamenti tal-UEFA, Lazio ma jitħallewx jipparteċipaw fiċ-Champions League fl-istaġun li ġej.

Id-diriġenti ta’ Lazio wieġbu għal dawn l-akkużi billi qalu li din “hija opinjoni suġġettiva ta’ Baranca.

TISSEMMA ANKE L-EUROPA LEAGUE

Hemm ukoll partiti tal-Europa League li jissemmew f’dan ir-rapport. It-timijiet identifikati jinkludu l-Iskoċċiżi ta’ Aberdeen u lil Ekranas tal-Litwanja.