Hekk kif l-elezzjoni għall-President tal-Malta Football Referees Association qed toqrob, dan is-sit hu infurmat li fil-jiem li għaddew numru ta’ referees membri ta’ din l-assoċjazzjoni kienu infurmati li għall-elezzjoni li se ssir nhar it-Tnejn li ġej, mhux se jkollhom dritt li jeserċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw. L-istatut tal-MFRA jagħmilha ċar li l-membri jridu jattendu jew ikunu skużati għal tal-anqas 50% tal-laqgħat u kienu ħafna dawk li tkelmu ma’ Maltarightnow sabiex jesprimu n-nuqas ta’ qbil tagħhom ma’ dan ir-regolament fl-istatut tal-MFRA. Uħud saħansitra tennew li kemm il-darba ssuġġerew li dan ir-regolament ma jagħmilx sens u għandu jinbidel.
Fl-elezzjoni ta’ nhar it-Tnejn li ġej, il-President attwali u ex referee tal-Kampjonat Premier, Lorry Sammut se jkun qed jerġa’ jikkontesta għal din il-kariga wara li llu 11-il sena fit-tmexxija. Madankollu din id-darba Sammut se jkun qed jiġi ikkontestat minn Alexie Tabone li għandu 31 sena u apparti li llu snin jifforma parti minn din l-assoċjazzjoni, preżentament hu l-Kap Eżekuttiv Finanzjaru ta’ kumpanija barranija li topera f’Malta. Il-kandidatura ta’ Tabone mistennija tagħmel il-kontestazzjoni għall-kariga ta’ President tal-MFRA waħda missielta hekk kif qed toffri era u tmexxija ġdida lill-assoċjazzjoni tar-referees f’pajjiżna. Minn naħa l-oħra Sammut mexxa din l-assoċjazzjoni tul dawn l-aħħar snin u għal darb’oħra qed jerġa’ joffri s-servizzi tiegħu biex imexxi l-assoċjazzjoni għal terminu ieħor. Ir-referees membri għandhom għażla diffiċli fl-elezzjoni ta’ nhar it-Tnejn li ġej hekk kif fost dawk li se jivvutaw hemm min ikkumenta li hu se jkun qed jivvota għal Sammut għaliex japrezza x-xogħol li sar fl-aħħar snin waqt li oħrajn ikkummentaw li se jkunu qed jagħtu l-fiduċja tagħhom lil Tabone għaliex jemmnu li wasal il-mument li r-referees jitmexxew minn tim żagħżugħ mimli enerġija u entużjażmu.
Maltarightnow hu infurmat li Tabone u t-tim tiegħu llhom għal żmien twil jitolbu lit-tmexxija attwali sabiex tippreżenta lista ta’ min huma l-membri li jistgħu jivvutaw fl-elezzjoni għal ħatra ta’ President. Kien biss il-bieraħ filgħaxija, anqas minn ġimgħa biss ‘il bogħod mill-elezzjoni, li s-Segretarju tal-assoċjazzjoni Alexander Spiteri informa lill-membri kollha min huma r-referees membri li jistgħu jivvutaw u dawk li ma jistgħux jivvutaw għaliex skont l-istatut m’għandhomx dritt. Referee partikolari li mhux se jkollu dritt għall-vot u li tkellem magħna, qal li l-aħħar laqgħa tal-MFRA saret ġimgħat ilu għaldaqstant din il-lista setgħet faċilment inkitbet u intbgħatet lil membri qabel u mhux titħalla għal sitt t’ijiem biss qabel l-elezzjoni ta’ President tal-MFRA. Dan kollu qed iwassal biex lejliet l-elezzjoni hemm referees membri li għaliex m’attendewx għal 50% tal-laqgħat li kien hemm jew ma kienux skużati, mhux se jkunu jistgħu jivvutaw sabiex jeleġġu President tal-MFRA. Oħrajn saħansitra stqarrew li kienu infurmaw lill-persuni konċernati li ma setgħux jattendu għal waħda jew aktar mill-laqgħat skedati iżda xorta ma ġewx skużati b’deterement li issa mhux se jkunu jistgħu jivvutaw.
Dan kollu qed joħloq tensjoni fl-MFRA hekk kif hemm numru ta’ referees li kienu infurmati li ma setgħux jivvutaw u li pprotestaw. Ftit minn dawn il-protesti kienu aċċettati waqt li l-oħrajn għadhom ma irċevew ebda tip ta’ informazzjoni mill-MFRA.
//= $special ?>
