Wara li nhar il-Ħamis il-Partit Nazzjonalista preżenta protest kontra l-PBS, dwar rapportaġġ skorrett, il-Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet ta’ PBS, Reno Bugeja, minn naha tiegħu ilmenta mal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin.
Fi stqarrija bi tweġiba għal dan l-ilment, l-IĠM fakkar li x-xandir pubbliku huwa suġġett mhux biss għal-liġi tal-Istampa iżda wkoll għal-liġi tax-Xandir.
Il-Ħamis il-Partit Nazzjonalista preżenta protest kontra l-PBS wara li fl-istess mument li l-Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi ammetta mod, il-PBS xandar aħbar mod iehor. Ir-rapportagg tal-PBS kien trattat f’konferenza tal-aħbarijiet mix-shadow Minister Jason Azzopardi li qal li l-Kap tat-taqsima tal-Aħbarijiet tal-PBS Reno Bugeja qed jgħatti xtul il-gvern u qed jimmanipula l-verita’. Hu qal li l-PN jistenna li l-PBS jirrimedja dan il-każ ta’ qerq fl-aħbarijiet.
L-IĠM qal li “mingħajr ma jidħol fil-mertu tal-każ imressaq minn Reno Bugeja, li qed jilmenta minn “kampanja sistematika” kontra tiegħu, l-IĠM ifakkar li x-xandir pubbliku huwa suġġett mhux biss għal-liġi tal-Istampa iżda wkoll għal-liġi tax-Xandir, inkluż il-monitoraġġ tal-Awtorità tax-Xandir”.
Għaldaqstant, l-Istitut itenni li qabel isiru xi akkużi, kwalunkwe interpellant għandu qabel xejn ifittex ir-rimedji li tagħtih il-liġi, waqt li jirrispetta lill-ġurnalisti u x-xogħol tagħhom.
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin qal li jħoss il-bżonn li jiġbed l-attenzjoni tal-partiti politiċi dwar il-prassi stabbilita li kwalunkwe protest jew ilment dwar rappurtaġġ imxandar għandu l-ewwel jiġi deċiż mill-Awtorità tax-Xandir qabel isiru xi akkużi pubbliċi maħsuba biex jimminaw il-kredibiltà ġurnalistika.
L-IĠM żied jgħid li jibqa’ kommess li jagħti sehmu biex il-ġurnaliżmu f’pajjiżna, mhux biss ikun ħieles, imma jservi bl-aħjar mod lill-pubbliku.
//= $special ?>

