Lokali

Rosette Thake eletta bħala s-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-PN

Fil-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-lejla, Rosette Thake ġiet eletta bħala l-ewwel Segretarju Ġenerali mara fl-istorja tiegħu. Rosette Thake ġabet 70 vot mil-74 vot mitfugħa.

Fl-ewwel kummenti tagħha, Rosette Thake, filwaqt li rringrazzjat lil dawk li wrew fiduċja fiha, spjegat li ż-żewġ prijoritajiet li se tkun qed taħdem fuqhom huma li l-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista jkomplu jissaħħu u tissaħħaħ ukoll il-komunikattiva tal-Partit Nazzjonalista. Hi rringrazzjat lil Chris Said għall-ħidma tiegħu fir-rwol ta’ Segretarju Ġenerali matul l-aħħar sentejn.

Wara l-vot, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, filwaqt li feraħ lil Rosette Thake, qal li issa hu l-mument, f’nofs leġiżlatura, li l-Partit Nazzjonalista, minn partit fl-Oppożizzjoni jaħdem biex ikun ta’ alternattiva għall-Gvern.

Rosette Thake għandha 47 sena u ilha għal dawn l-aħħar sentejn, taħt it-tmexxija ta’ Simon Busuttil, involuta fil-Partit Nazzjonalista. Rosette Thake kienet il-President tal-ewwel Konvenzjoni Ġenerali li organizza l-Partit Nazzjonalista f’Ottubru li għadda.

Fl-aħħar sentejn, Rosette Thake serviet ukoll fuq il-Bord tal-AŻAD, kif ukoll kienet fuq il-Bord li għamel analiżi tar-riżultat tal-elezzjoni ġenerali tal-2013.

Rosette Thake hija gradwata fil-Kommunikazzjoni u l-Istudji Soċjali, u għal dawn l-aħħar 10 snin, kienet Managing Partner ta’ Koperattiva fil-qasam tal-edukazzjoni bikrija.

Fil-karigi l-oħra ġew eletti : Jean Pierre Debono – Assistent Segretarju Ġenerali, President Kunsill Amministrattiv – Karol Aquilina, President Kumitat Eżekuttiv – Ann Fenech, Teżorier – Alex Perici Calascione u Segretarju Internazzjonali – Trevor Degiorgio.

rosette thake