Żewġ Pulizija mistennija jitressqu l-Qorti u jaffaċjaw akkużi kriminali wara li xufier ta’ 24 sena qed jallega li kien attakkat brutalment miż-żewġ membri tal-Korp David Camilleri u Mark Tonna, li jiffurmaw parti mir-Rapid Intervention Unit.
Il-każ, li jmur lura għal Mejju li għadda, ġie żvelat waqt il-programm Xarabank, biż-żagħżugħ allegatament aggredit u t-tfajla tiegħu, li kienet preżenti meta ġara l-każ, jitkellmu dwar dak li esperjenzaw. B’rabta ma’ dan, il-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar kien fetaħ investigazzjoni interna.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-1am bejn is-Sibt u l-Ħadd, 2 u 3 ta’ Mejju fil-bypass tal-Imġarr, meta Jean Paul Aquilina u t-tfajla tiegħu twaqqfu mill-Pulizija. F’ħin minnhom, Aquilina qal li wieħed mill-Pulizija qabdu minn għonqu u ieħor tah daqqa ta’ ponn, kif ukoll li bdew ituh.
S’issa għadu ma ġiex stabbilit fuq liema akkużi kriminali se jkunu qed jitressqu l-Qorti ż-żewġ membri tal-Korp. Min-naħa l-oħra, Aquilina qed ikun akkużat b’sewqan perikoluż, li ma obdiex l-ordinijiet leġittimi tal-Pulizija, kif ukoll li ħebb għall-Uffiċjali tal-Korp.
Il-membri tal-RIU u Aquilina ngħataw kura medika għall-feriti li sofrew, b’Aquilina kellu jagħmel xi ħin l-Isptar Mater Dei għall-kura. Fil-Qorti ħareġ li l-Kuntistabbli David Camilleri kellu b’kollox ħames girfiet, filwaqt li sarlu wkoll X-Ray fuq wieħed mis-swaba’ minħabba uġigħ li kellu. Madankollu, ma rriżultax li kellu ksur.
Fil-Qorti rriżulta wkoll li Camilleri kellu grif fil-minkbejn, li skont it-Tobba jista’ jkun li ġew ikkaġunati waqt li pprova jżomm lil xi ħadd mal-art. Min-naħa l-oħra, il-Kuntistabbli Mark Tonna sofra minn tbenġil fuq l-irkoppa tal-lemin u kellu anke ħmura fuq imnieħru. Madankollu, mir-ritratti ppreżentati fil-Qorti, it-tbenġil u l-ħmura ma ġewx identifikati.
Dwar Aquilina, it-Tobba li eżaminawh qalu li ż-żagħżugħ sofra minn tbenġil taħt għajnejh u fuq wiċċu, kif ukoll kellu marki fuq għonqu u sinjal ta’ daqqa ta’ sieq f’żaqqu.
//= $special ?>

