Lokali

4 snin ħabs għas-serqiet ta’ ġojjelli u banka tal-lottu fl-aħħar jiem

David Scicluna, ta’ 30 sena minn Santa Luċija, intbagħat erba’ snin ħabs wara li ammetta li wettaq is-serqa armata fuq banka tal-lottu l-ġimgħa li għaddiet fil-Fgura.

Scicluna ammetta l-akkużi ta’ serq aggravat ta’ €3,000, li żamm lil sid il-banka tal-lottu Anna Camilleri kontra r-rieda tagħha, u li kellu fuqu sikkina b’mod illegali waqt li wettaq ir-reat nhar l-Erbgħa waranofsinhar.

Ammetta wkoll li seraq ġojjelli minn dar fi Triq ir-Rummien f’Marsaskala l-għada, u li wettaq ir-reati fi żmien meta kellu sentenza ta’ sena ħabs sospiża. B’hekk, il-Maġistrat Neville Camilleri dawwar is-sentenza sospiża f’waħda effettiva u tah tliet snin oħra ħabs għas-serqiet tal-aħħar jiem.

Il-Qorti rrakkomandat lill-awtoritajiet tal-ħabs biex ir-raġel jingħata għajnuna biex joħroġ mid-dipendenza tad-droga, biex itemm programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Saviour Baldacchino u Spiridione Zammit.