Internazzjonali Unjoni Ewropea

Il-Pollakki l-aktar pożittivi dwar l-UE

Jirriżulta li t-Taljani u l-Ispanjoli huma dawk bl-aktar opinjoni pożittiva dwar l-Unjoni Ewropea meta mqabbla ma’ li kellhom sena ilu.
Dan jirriżulta minn riċerka tal-Pew Research Centre li għadha kemm ġiet ippubblikata. Jirriżulta li 63 fil-mija tal-Ispanjoli kellhom opinjoni pożittiva dwar l-UE meta s-sena li għaddiet dawn kienu 50 fil-mija. L-appoġġ fost it-Taljani żdied b’16-il punt perċentwali meta mqabbla mas-sena li għaddiet – minn 46 għal 64 fil-mija.
L-istħarriġ sar fost l-akbar sitt membri tal-Unjoni Ewropea u li l-popolazzjoni tagħhom tammonta għal 70 fil-mija tal-popolazzjoni tal-UE.
Imma baqgħu l-Pollakki l-aktar pożittivi dwar l-Unjoni Ewropea bi 72 fil-mija li għandhom opinjoni pożittiva. Min-naħa l-oħra l-anqas konvinti huma l-Ingliżi b’51 fil-mija b’opinjoni pożittiva u fi Franza dawn huma 55 fil-mija.
Fil-Ġermanja, kien hemm 58 fil-mija tal-popolazzjoni li kellhom opinjoni pożittiva dwar l-UE imma dan hu nuqqas ta’ tmien punti meta mqabbla mal-istħarriġ tas-sena li għaddiet.
F’dawn is-sitt pajjiżi iżda, il-perċentaġġ ta’ dawk li jemmnu li t-tfal tagħhom se jkunu agħar minnhom finanzjarjament hu ferm akbar minn dawk li jaħsbu li se jkunu aħjar imma l-Franċiżi, b’85 fil-mija, huma l-aktar pessimisti.
Il-perċentaġġ ta’ dawk li jridu li pajjiżhom jibqa’ juża l-ewro żdied jew baqa’ l-istess meta mqabbla mal-2014 imma l-Italja, b’37 fil-mija kellha l-akbar ammont ta’ nies li riedu li l-pajjiż joħroġ mill-ewro.
U hekk kif ir-Renju Unit qed ilesti għal referendum dwar is-sħubija fl-UE, kien hemm 55 fil-mija li qalu li riedu li l-pajjiż jibqa’ membru.
Sadattant l-istħarriġ żvela wkoll li filwaqt li kien hemm opinjoni pożittiva fost il-maġġoranza dwar il-Lhud u l-Musulmani f’dawn is-sitt pajjiżi tal-UE, ma kienx l-istess għaż-żinġari magħrufa aħjar bħala Roma. Kien hemm 86 fil-mija tat-Taljani, 60 fil-mija tal-Franċiżi u 48 fil-mija tal-Pollakki kif ukoll 34 fil-mija tal-Ġermaniżi li kellhom opinjoni negattiva taż-żinġari. Min-naħa l-oħra l-Italja kellha l-akbar ammont ta’ nies – 61 fil-mija – li kellhom opinjoni negattiva tal-Musulmani u l-Pollakki, u 28 fil-mija – b’opinjoni negattiva tal-Lhud.