Id-dettalji tal-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Maratona tal-BOV Volleyball ingħataw dalgħodu fid-Dar tal-Providenza, fis-Siġġiewi. Il-Maratona tinfetaħ mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Lulju fis-6.30pm u tibqa’ għaddejja sal-Ħadd.
Fiha se jieħdu sehem iktar minn 300 voluntier, 40 minnhom li se jilgħabu l-“volleyball” għal 53 siegħa konsekuttiva. Il-pubbliku hu mistieden iżur il-maratona u jagħti d-donazzjonijiet tiegħu għal Dar il-Providenza li din is-sena qed tfakkar il-50 sena tagħha. Bħalissa, id-Dar tilqa’ 105 persuni bi bżonnijiet speċjali u sal-lum irnexxielha żżomm mal-viżjoni tal-fundatur tagħha, li timxi ’l quddiem biss bil-providenza.
Id-dettalji ngħataw minn Fr Martin Micallef, direttur ta’ Dar il-Providenza, u minn Michelle Muscat, Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold-BOV fil-Komunità, flimkien ma’ Elvia George, Chief Financial Officer tal-Bank of Valletta u Emanuel Zammit, li hu Chairperson tal-kumitat organizzativ tal-maratona.
Michelle Muscat faħħret lid-Dar għax-xogħol imprezzabbli tagħha u spjegat li din taqdi rwol kruċjali fil-komunità billi tgħin lir-residenti jgħixu ħajja dinjituża f’ambjent ta’ familja li jipprovdi kura u attenzjoni individwali.
Fr Martin Micallef fisser kif il-maratona hi waħda mill-attivitajiet l-iktar importanti matul is-sena għall-ġbir ta’ fondi għad-Dar tal-Providenza u li bil-fondi miġbura s-sena li għaddiet, permezz ta’ Fondazzjoni Marigold u l-BOV, sar xogħol f’żewġ appartamenti li se jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Emanuel Zammit fisser kif bħalissa l-plejers qed iżidu l-intensità tat-taħriġ biex ikollhom is-saħħa meħtieġa jiffaċċjaw 53 siegħa ta’ logħob kontinwu waqt li Elvia George spjegat li l-Bank of Valletta jħoss responsabiltà li jkollu rwol ewlieni fis-soċjetà Maltija li jmur lil hinn mill-provvista ta’ servizzi finanzjarji. Awgurat lill-organizzaturi waqt li ħeġġet lill-pubbliku biex ikun ġeneruż u jagħti s-sapport tiegħu lill-volontiera billi jżur id-Dar tal-Providenza bejn it-3 u l-5 ta’ Lulju 2015.
Id-donazzjonijiet jistgħu jsiru billi wieħed iċempel fuq 51602011 għal donazzjoni ta’ €10, 51702012 għal donazzjoni ta’ €15 u 51802013 għal donazzjoni ta’ €25, jew permezz tal-BOV Mobile Pay fuq 79324834.
//= $special ?>