Lokali

Jinħatar Chairman tal-Eżekuttiv tal-Commonwealth Association of Public Accounts Committees

Id-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech u Chairman tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi, inħatar bħala Chairman tal-Eżekuttiv tal-Commonwealth Association of Public Accounts Committees.

Tonio Fenech kien elett fi tmiem il-laqgħa tal-Kumitati dwar il-Kontijiet Pubbliċi tal-Commonwealth li tlaqqgħet għall-ewwel darba barra minn Westminister, fl-Ingilterra, u saret f’Malta, fil-bini l-ġdid tal-Parlament, fid-Daħla tal-Belt.

Fl-ewwel kummenti tiegħu fi tmiem il-Ħames Westminister Workshop li tratta l-effettività, l-indipendenza u t-trasparena tal-Kumitati dwar il-Kontijiet Pubbliċi fi ħdan il-Commonwealth, Tonio Fenech esprima sodisfazzjon għal din il-kariga ġdida li se tagħti ħajja u aktar esperjenzi biex tgħolli l-livell u l-kontabbiltà ta’ dan il-Kumitat Parlamentari importanti fil-pajjiżi tal-Commonwealth.

Esprima wkoll it-tama li l-Assoċjazzjoni Parlamentari tal-Commonwealth tapprova b’saħħa t-twaqqif ta’ dan il-Kumitat biex tagħti bidu għal ħidma ġdida li tirrikonoxxi l-importanza u t-tisħiħ ta’ tmexxija governattiva tajba għad-demkorazija.

Tonio Fenech irrifera wkoll għal-laqgħa tal-Kapijiet tal-Istati tal-Commonwealth li se ssir f’pajjiżna aktar tard din is-sena, iċ-CHOGM, u awgura li din il-laqgħa importanti tirrikonoxxi din l-inizjattiva li qed tittieħed biex jissaħħu l-Kumitati tal-Kontijiet Pubbliċi biex jinżammu l-ogħla livelli ta’ kontabbiltà.

Tonio Fenech semma wkoll il-ħidma li trid issir biex jiżdiedu l-membri tal-Assoċjazzjoni tal-Commonwealth tal-Kumitati dwar il-Kontijiet Pubbliċi.

L-Ispeaker Malti Anġlu Farrugia, li kien qed jippresiedi l-aħħar sessjoni tal-workshop fil-plenarja tal-Parlament Malti, filwaqt li feraħ lil Tonio Fenech f’din il-kariga ġdida fi ħdan l-Assoċjazzjoni Parlamantari tal-Commonwealth, irringrazzja lill-membri kollha li ħadu sehem fil-workshop f’Malta.

Irrimarka li bħal-lum xahar, fl-istess ħin li kien qed jingħalaq il-workshop tal-Commonwealth, kien qed jiġi inawgurat il-bini l-ġdid tal-Parlament li wara ftit ġimgħat laqqa’ fih konferenza importanti tal-Commonwealth li ħalliet ukoll ħafna riżultati bix-xogħol li sar.

Il-worksop f’Malta laqqa’ flimkien l-esperjenzi dwar l-effettività, l-indipendenza u t-trasparenza tal-Kumitati tal-Kontijiet Pubbliċi b’ħarsa ‘l quddiem għal prattiċi u proċeduri ġodda li jsaħħu l-kontrolli u l-kontabbiltà fl-inifiq tal-finanzi tal-gvernijiet.

Id-delagati f’Malta mill-Parlamenti tal-pajjiżi tal-Commonwealth, kellhom kliem ta’ tifħir għall-bini l-ġdid tal-Parlament.