L-eks-Ministru tal-Gvern ta’ Mintoff u l-għażla tal-Prim Ministru Joseph Muscat bħala Invjat Speċjali għall-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu, Joe Grima, infexx f’attakk feroċi fuq l-internet kontra l-eks-President ta’ Malta u Prim Ministru Nazzjonalista Eddie Fenech Adami.
Joe Grima kien qed jirreaġixxi għar-reazzjoni tal-Viċi Kap tal-PN Beppe Fenech Adami fuq il-programm TimesTalk, fejn saret diskussjoni dwar dak li għandu jiġi ttollerat jew le minn persuni b’karigi politiċi jew pubbliċi.
Id-diskussjoni bdiet wara li l-ġurnalist Herman Grech talab ir-reazzjoni tad-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Toni Abela għal dikjarazzjonijiet miktuba minn Joe Grima fuq il-midja soċjali kontra l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca u l-ħidma tagħha favur l-integrazzjoni kulturali f’Malta.
Beppe Fenech Adami rrimarka li l-kummenti ta’ Joe Grima qed jimbarazzaw lill-Partit Laburista kull darba u li l-PL qed jibqa’ ma jirreaġixxix. Fil-programm, Toni Abela qal li kieku kien hu minflok Grima, ma kienx jikteb dak li kiteb, u li kieku kien minflok il-Prim Ministru kien jibgħat għalih għax il-kariga li jokkupa ma tħallihx jitkellem b’dak il-mod.
Minflok, Joe Grima dar għall-midja soċjali u nfexx f’attakk spjetat kontra Eddie Fenech Adami li sejjaħlu bħala “l-ikbar imbarazzament li qatt daħal u ħareġ mill-Kamra tar-Rappreżentanti”.
F’litanija sħiħa ta’ akkużi kontra Eddie Fenech Adami, l-eks-Ministru ta’ żmien Mintoff, illum rappreżentant ta’ Malta f’forum dinji, għajjar lill-eks-Kap Nazzjonalista bħala bniedem li imbarazza lil Malta meta, skont hu, stieden lil-Laburisti għall-ġlied, impona l-valuri tiegħu fuq il-poplu, poġġa f’qagħda inferjuri żwieġ ċivili fuq dak Nisrani, ħatar lilu nnifsu Kap tal-Istat bħal Napuljun, irreżista l-karbiet ta’ dawk li kienu qed jitolbu għad-divorzju, iltaqa’ ma’ Żeppi l-Ħafi u diskriminazzjoni politika fost l-oħrajn.
Attakka wkoll lil Beppe Fenech Adami li “skont is-siġra, il-frott” u tah il-parir biex min jgħix f’dar tal-ħġieġ ma jitfax ġebel.
//= $special ?>