“Kif ħa tkun festa mingħajr iċ-ċajt tiegħek?” Hu dan wieħed mill-kummenti li sħab Matthew Bartolo, magħruf bħala Il-Garguri, kitbu fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook.
Matthew, residenti Ħal Kirkop, tilef ħajtu traġikament wara li nqabad mill-magna li kien qed jaħdem biha f’fabbrika tal-kostruzzjoni f’Ħal Luqa. Iż-żagħżugħ ittieħed immedjatament l-Isptar, iżda tilef il-ġlieda mal-mewt ftit tal-ħin wara kawża tal-ġrieħi serji li ġarrab.
Is-sentiment hu wieħed komuni, xokk fost sħabu ż-żgħażagħ, li ddeskrivewh bħala persuna b’qalb tad-deheb, dħuli, dejjem jiċċajta u jara kif jagħmel biex jgħin lill-proxxmu.
Matthew kien dilettant kbir tal-festa ta’ San Ġużepp f’Ħal-Kirkop tant li kien membru attiv tas-Sezzjoni Żgħażagħ Ġużeppini Kirkop u dejjem jara kif jagħmel biex jiġbor kemm jiflaħ flus b’risq il-festa tant għal qalbu.
Matthew kien ukoll dilettant tan-nar tant li sħabu ftakru kif kellu 700 sena biex f’Settembru li ġej jagħlaq 18-il sena biex ikun jista’ jikseb il-liċenzja u jkun jista’ jibda jaħdem in-nar, b’mod speċjali l-beraq biċ-ċentrijiet li kien iffissat fuqhom.
Iż-żagħżugħ minn Ħal Kirkop kien ukoll dilettant kbir tal-avjazzjoni u persuna attiva ħafna fil-komunita’ ta’ Ħal Kirkop.
“Strieħ fis-sliem Matthew, żgur li qiegħed ħdejn San Ġużepp li se jilqek b’idejh miftuħa għax tant kont tħobbu,” kien il-messaġġ komuni fost sħab Matthew immedjatament wara li ħarġet l-aħbar ta’ din it-traġedja. “Fil-ġenna hemm anġlu ieħor.”
Minbarra l-ġenituri tiegħu, Matthew kellu wkoll ħuħ.
//= $special ?>