Il-Malta Developers Association (MDA) u l-Alternattiva Demokratika (AD) kellhom l-ewwel laqgħa kordjali tagħhom illum wara nofsinhar fil-lukanda The Palace, Tas-Sliema.
L-MDA kienet rappreżentata mill-President Sandro Chetcuti, il-Viċi-President Euchar Vella, is-Segretarju Ġenerali Michael Stivala, u l-membri tal-Kunsill Alfred Camilleri u Anton Camilleri. AD kienu rappreżentati miċ-Ċerperson il-Prof. Arnold Cassola, il-Viċi Ċerperson il-Perit Carmel Cacopardo u s-Segretarju Ġenerali Ralph Cassar.
Fil-kummenti tiegħu fil-bidu tal-laqgħa, il-Prof. Cassola qal li l-prijorità ewlenija tal-AD hi d-defiċit ambjentali fil-pajjiż. Il-partit għandu żewġ preokkupazzjonijiet ta’ tħassib ewlenin: l-attakk mill-gvern fuq dak li hu barra ż-żoni tal-iżvilupp (ODZ), kemm fl-art u fil-baħar, peress li l-gvern qiegħed jipproponi dawn il-proġetti; u l-ammont eċċessiv ta’ proprjetà vojta – xi 30 fil-mija tal-proprjetà kollha.
“Nisperaw li intkom, bħala assoċjazzjoni tal-iżviluppaturi se tikkonċentraw fuq il-ħtieġa ta’ iktar riabilitazzjoni ta’ dawn il-proprjetajiet, (li) hu iktar preferibbli milli tmissu artijiet verġni. Dan naħseb jikkrea ukoll xogħol għalikom, għall-ekonomija Maltija u l-pajjiż sħiħ mingħajr ma mmisu art ODZ,” hu qal.
Il-Perit Cacopardo faħħar l-MDA talli ġabret flimkien is-setturi differenti tal-industrija, fosthom l-iżviluppaturi, dawk fil-kostruzzjoni, is-snajja’ u l-aġenti tal-proprjetà, għaliex kien mod kif tagħmel pressjoni fuq dawk kollha involuti biex jobdu regoli, pimarjament il-kodiċi tal-etika, li ħolqu huma stess.
Huwa iktar diffiċli biex wieħed jindirizza d-defiċit ambjentali milli dak finanzjarju. Fost l-impatti li semma hemm l-effetti fuq l-ilma tal-pjan u n-nuqqas kbir fl-art agrikola li qed tinħadem. “Hemm bżonn li nnaqqsu d-defiċit ambjentali mhux għax nemmnu fih aħna iżda minħabba l-impatt fuq il-kwalità tal-ħajja. Aħna dejjem qegħdin hemm biex naqsmu l-idejat u niddiskutu, bħal ma qegħdin nagħmlu llum għall-ewwel darba minn mindu twaqqaftu,” żied jgħid il-Perit Cacopardo.
Is-Sur Chetcuti ta ġieħ lill-AD talli għollu l-issue tal-ambjent fuq l-aġenda nazzjonali.
“Aħna għandna l-ambjent għal qalbna u nafu wkoll li mingħajr l-iżvilupp il-pajjiż isofri ħażin. Nafu li l-industrija tal-kostruzzjoni, l-iżvilupp, il-proprjetà u l-upkeep tagħha huma l-mutur ewlieni li jiġġenera l-kummerċ fil-pajjiż,” hu qal.
“Inħoss li llum dan hu mument ta’ opportunità għalina biex niltaqgħu magħkom u niddiskutu b’mod ċivili kif nistgħu nżewġu l-ambjent mal-iżvilupp. Irnexxielna nuru f’perjodu qasir l-importanza ta’ din l-industrija, bħal ma għamiltu intkom,” żied jgħid, u għamel aċċenn fuq kif l-istil ta’ ħajja f’Malta inbidlet f’dawn l-aħħar 60, 70 sena, bl-istandards tal-ħajja jgħollu ħafna.
Is-Sur Chetcuti qal: “L-MDA kienet pijuniera talli qalet kemm hu importanti r-riġenerazzjoni. Tajna soluzzjonijiet u l-opinjonijiet tagħna fuq skemi lill-Gvern biex l-intraprenditur jista’ jkun motivat u jikkonċentra fuq ir-riġenerazzjoni.”
Temm jgħid li l-MDA hi miftuħa għal suġġerimenti fuq kif jista’ jsir ippjanar aħjar li jkun ta’ benefiċċju għal kulħadd fuq medda twila ta’ żmien u meta dan ikun sostenibbli.
//= $special ?>