L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem ħarġet stqarrija wara d-diskors tal-Ministru Evarist Bartolo fil-Parlament din il-ġimgħa, u qalet li kliemu kellu preġudizzju qawwi kontra min iħaddem u ta l-impressjoni li l-kumpaniji f’Malta qed jirreżistu li jħaddmu persuni b’diżabilità, li mhux veru.
L-assoċjazzjoni kienet qed tirreferi għad-diskors tal-Ministru fil-ftuħ tad-diskussjoni fil-Parlament dwar abbozz ta’ liġi dwar l-impjieg ta’ persuni b’diżabilità.
L-MEA qalet li ċ-ċifra li ta l-Ministru stess, ta’ 1,450 persuna b’diżabilità f’impjieg, teskludi dawk li jaħdmu imma mhumiex reġistrati.
L-assoċjazzjoni qalet ukoll li hemm numru sostanzjali ta’ min iħaddem li lmentaw li mhumiex f’pożizzjoni li jkunu jafu jekk humhiex konformi mal-liġi għax mhumiex intitolati għal informazzjoni dwar min, fost l-impjegati tagħhom, hu reġistrat bħala persuna b’diżabilità. Semmiet każijiet fejn kumpaniji talbu biex ikunu konformi mal-liġi u ntqalilhom li kienu diġà konformi għax kellhom persuni b’diżabilità fost il-ħaddiema tagħhom mingħajr ma kienu jafu.
L-assoċjazzjoni qalet li l-fatti huma li, irrispettivament minn kemm hemm persuni b’diżabilità rreġistrati fil-pajjiż, bħalissa hemm biss 550 li qed ifittxu xogħol, u staqsiet lill-Ministru Evarist Bartolo jekk id-19,000 l-oħra għandhomx jibdew jirreġistraw għax-xogħol.
L-MEA qalet li waqt li tappoġġja bis-sħiħ kull miżuri realistiċi biex jiżdiedu l-persuni b’diżabilità f’impjieg, minkejja diffikultajiet li jistgħu jiffaċċjaw ħafna intrapriżi, hi ressqet diversi proposti konkreti dwar dan il-qasam u kif regolamenti jistgħu jitħarsu iktar.
Spjegat li fl-aħħar sitt xhur ikkuntattjat lill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ biex torganizza laqgħa ta’ informazzjoni biex jiġu indirizzati numru ta’ mistoqsijiet ta’ min iħaddem u biex jiġu ċċarati dubji dwar il-miżuri proposti, imma s’issa ħafna mistoqsijiet għadhom mhux imwieġba.
Insistiet li min iħaddem għandu dritt li jingħata tweġiba għall-mistoqsijiet tiegħu qabel ma l-Gvern jibda jimponi multi għal allegat ksur ta’ liġi. Saħqet li wara kollox, l-għan tal-liġi mhux biss li jiġbor il-flus, imma hu wieħed iktar kumpless, li joħloq impjieg lill-persuni b’diżabilità.
//= $special ?>