Liverpool ħabbru li akkwistaw il-firma tal-midfielder ta’ Manchester City James Milner fuq free transfer u suġġett għal eżami mediku.
Il-kuntratt tal-plejer ta’ 29 sena fl-Etihan Stadium kien se jiskadi fi tmiem dan ix-xahar u waqt li l-manager Manuel Pellegrini esprima x-xewqa li ilner jibqa’, l-eks plejer ta’ Newcastle United u Aston Villa għażel li jitlaq.
Milner kien ingaħad ma’ City mingħand Villa fl-2010 u rebaħ il-Premier League, l-FA Cup, il-League Cup u l-Community Shield.
Milner sar l-ewwel akkwist li għamlu Liverpool dan is-sajf.
Skrtel jirrifjuta
Sadanittant d-difensur ta’ Liverpool Martin Skrtel irrifjuta l-aħħar offerta li għamillu l-klabb fuq kuntratt ġdid u ddeskriviha bħala “inaċċettabbli”.
L-internazzjonali Slovakk se jkun mingħajr kuntratt meta jintemmlu fi tmiem l-istaġun li jmiss minkejja li kien plejer regolari sa minn meta sieħeb il-klabb mingħand Zenit fl-2008.
Madankollu l-futur tiegħu f’Anfield jidher riesaq lejn it-tmiem wara li rrifjuta l-aħħar offerta.
“Għalija hi offerta inaċċettabbli. Naħseb li kuntratti bħal dawn huma offruti lil plejers li huma ferm akbar minni jew kellhom xi problemi ta’ saħħa. Fadalli sena u kien hemm xnigħat dwar interessi minn klabbs oħra. Issa naraw,” qal Skrtel li għandu 30 sena.
//= $special ?>

